Lokali Qorti

Matthew Caruana Galizia jirrakkonta fil-Qorti l-esperjenza orribbli ta’ kif sab lil ommu mejta

Matthew Caruana Galizia kien ix-xhud ewlieni meta ffaċċa lill-irġiel akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil ommu. Kif għamel f’seduti oħra huwa rrakkonta kif kien ra partijiet tal-ġisem maqtul ta’ ommu hekk kif resaq lejn il-karozza li kienet splodiet f’dik il-ġurnata fatali.

Daphne Caruana Galizia nqatlet fi splużjoni qawwija ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017. Iben il-vittma ġurnalista kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi tal-aħwa Adrian u Robert Agius, u sħabhom Jamie Vella u George Degiorgio. Robert Agius u Jamie Vella huma akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Degiorgio qed jiffaċċja proċeduri separati fuq l-istess każ. Adrian Agius jinsab mixli wkoll li wettaq il-qtil tal-avukat Carmel Chircop f’Birkirkara, filwaqt li Vella u Degiorgio huma mixlija li wettqu l-qtil. Fix-xhieda tiegħu, Matthew Caruana Galizia qal li fil-perjodu li ommu nqatlet, kienet ilha taħdem fuq leak mill-Electrogas.

“Ommi kienet taħt pressjoni kbira. Kien hemm investigazzjoni kbira li kienet qed taħdem fuqha, u kienet kontinwament tiġi ffastidjata, u l-imġiba ġenerali tagħha kienet waħda ta’ stress. Imma kienet għamlitha parti minn ħajjitha u kienet imdorrija tiffaċċjaha.

“Kienet tensa għax kienet se tasal tard għall-appuntament bankarju,” qal lill-Qorti Caruana Galizia. Ommu kienet telqet mid-dar tagħa biex tattendi appuntament bankarju peress li l-kontijiet tagħha kienu ġew iffriżati mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Chris Cardona bħala parti minn miżura fi proċeduri ta’ libell” qal ix-xhud.

Waqt li reġa’ jgħix l-esperjenza koroh, Matthew Caruana Galizia qal lill-Qorti li waqt li kien qed jiġri lejn il-karozza tagħha li kienet ħadet in-nar iltaqa’ ma’ sieq li kienet mal-art. “Għidt, ok din hija r-riġel ta’ ommi. Inqatgħet minn taħt l-irkoppa. Il-ħorn tal-karozza kien qed idoqq. Mara b’tarbija tibki kienet wieqfa viċin u staqsietni x’se jagħmel. “Għidtilha biex iċempel lill-pulizija,” huwa irrakkonta.

L-aħwa Agius, magħrufa bħala Tal-Maksar, u Vella kienu ilhom suspettati li kienu l-fornituri tal-bombi fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Huma kienu ġew arrestati f’Diċembru 2017 iżda aktar tard kienu iħelsu mingħajr ebda akkuża miġjuba kontrihom.

Huma ġew arrestati fi Frar ta’ din is-sena, ftit wara li Vince Muscat, “Il-Koħħu” ammetta l-parti tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u ġie kkundannat 15-il sena ħabs. Muscat ingħata maħfra presidenzjali biex jgħid kollox dwar il-qtil ta’ Chircop u għen lill-pulizija b’evidenza ewlenija dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia li poġġiet wieħed mill-aħwa Agius akkużati bid-delitt.

Sadanittant il-Qorti qalet li se tittratta t-talba ta’ Adrian Agius, l-Erbgħa 24 ta’ Novembru fis-1:30pm meta rappreżentant tal-bank se jixhed fuq il-polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja tal-akkużat. Dan wara li l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo semgħet diskussjoni dwar polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja ta’ Adrian Agius u l-ilment tal-akkużat li bl-assi tiegħu ffriżati ma jistax iħallas dak dovut. Huwa fil-fatt argumenta li mhux sew li jintilef l-investiment kollu tiegħu.

Is-seduta tal-kumpilazzjoni li jmiss tal-provi għandha ssir fis-6 ta’ Diċembru. Adrian Agius, Robert Agius u Jamie Vella huma assistiti mill-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin. George Degiorgio huwa assistit mill-avukat William Cuschieri. L-avukat Alan Zerafa f’isem il-familja ta’ Carmel Chircop. F’isem il-familja Caruana Galizia qed jidher l-Avukat Jason Azzopardi.