Lokali Qorti

Mixli li ħarab lill-Pulizija meta marru biex jarrestawh għax mar jiġri wara l-kelba

Meta l-Pulizija marru biex jarrestaw lil Sean Grech ta’ 31 sena minn Bormla talli ma deherx għal seduta tal-Qorti, huwa fil-fatt kien jiġri wara l-kelba tiegħu li kienet ħarbitlu. Din kienet il-verżjoni ta’ Grech fil-Qorti u anke li huwa ta lill-Pulziija. Il-każ ġara nhar it-Tnejn għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu f’Ħaż-Żabbar. Hemmhekk avviċinawh il-pulizija b’mandat għax ma deherx għal seduta tal-Qorti. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Mark Mifsud Cutajar ikkontestat l-arrest għax qalet li Grech kien barra bil-kelba li kienet mingħajr ċinga u x’ħin avviċinawh il-pulizija, din telqet tiġri u hu mar jiġri warajha għax ħarbet. Id-difiża qalet li l-pulizija ġrew warajh u uffiċjal minnhom baqa’ dieħel fi scaffolding.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Darren Buhagiar infurmaw lill-Qorti li din l-azzjoni ġiet rekordjata kollha b’body cam. Il-Maġistrat Monica Vella rat il-filmat fl-awla u wara qalet li l-akkużat jidher qed jaħrab jiġri u l-pulizija kellhom isegwuh biex jarrestawh. Għalhekk hi kkonkludiet li l-arrest tiegħu kien validu.

Grech ġie akkużat li nhar it-Tnejn kkaġuna ġrieħi gravi fuq il kuntistabbli Aiden Brignone Carachi li ġera warajh, li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li ħalla l-kelba tiġġerra fit-triq mingħajr ċinga, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ sentenza oħra u li sar riċediv.

Il-qorti tatu l-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €3,000 u ordnatlu fost oħrajn li ma joħroġx mid-dar mal-lejl. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-kuntisabbli fejn wissiet lil Grech biex taħt l-ebda ċirkostanzi ma javviċina lejh jew ikellmu. Il-Maġistrat Vella qaltlu wkoll li anke jekk imur ikellmu l-istess uffiċjal tal-pulizija m’għandu jkellmu.