Lokali Qorti

Tinżamm arrestata wara li nqabdet l-ajruport b’żewġ kilos kokaina valur ta’ €260,000

Olandiża ta; 44 sena li nqabdet għall-ħabta ta’ nofs il-lejl tat-Tnejn li għadda b’żewġ kilos kokaina li l-valur tagħha fit-triq huwa ta’ madwar €260,000. Anuschka Arlette Halman imwielda ġewwa l-Caracao wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha quddiem il-Maġistrat Monica Vella u nżammet arrestata. Ma saret l-ebda talba mid-difiża għall-pleġġ.

Il-mara li qalet li fl-Olanda taħdem bħala fattiga ġiet arrestata mill-Pulizija mal-wasla tagħha f’Malta minn Brussell fuq titjira tar-Ryan Air. Hija ġiet mixlija mill-Ispettur Marshall Mallia b’assoċjazzjoni meta persuna jew persuni oħra biex titraffika l-kokaina u li ffinanzjat jew ippromoviet assoċjazzjoni marburta mat-traffikar.

Hija ġiet mixlija wkoll b’importazzjoni tad-droga għall-forniment u li kellha fil-pusses tagħha l-kokaina meta ma kellhiex permess jew liċenzja għal dan skont il-liġi. Anuschka Arlette Halman ġiet akkużata wkoll li d-droga fil-pussess tagħha instabet f’ċirkostanzi li juru li ma kienitx għal użu esklussiv tagħha.

Il-Maġistrat Vella kienet infurmata li l-mara ġiet arrestata wara li l-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kellha informazzjoni li passiġġiera li kienet ġejja Malta mill-Belġju kienet fil-pussess ta’ droga. Minn tfittxija li saritilha mal-wasla tagħha f’Malta, il-pulizija sabulha s-suspettata droga f’diversi pakketti. Din id-droga nstabet imdawwra ma’ qadda.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea fejn ħatret diversi esperti. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi kollha tagħha. L-Avukat tagħha Anna Maria Gaffiero Muscat Drago qalet li f’dan l-istadju ma kienitx se tagħmel talba għall-pleġġ, bl-Olandiża tiġi eskortata lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.