Festi Knisja Kultura Lokali

Petizzjoni biex isiru d-dimostrazzjonijiet bil-bambin lejlet il-Milied

Numru ta’ persuni bdew petizzjoni online sabiex din is-sena terġa’ ssir il-purċissjoni tradizzjonali bil-bambin – dimostrazzjonijiet li jsiru f’ħafna bliet u rħula Maltin lejlet il-Milied.

Il-petizzjoni qed titlob biex il-purċissjonijiet isiru b’mod kawt, u b’rispett sħiħ lejn il-miżuri marbuta mal-Covid-19.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-Arċipriet ta’ Ħal Qormi Dun Mario Mangion staqsa għaliex qed issir distinzjoni bejn attivitajiet reliġjużi u oħrajn fejn jidħlu l-protokolli li hemm fis-seħħ fid-dawl tal-pandemija.

Hu saħaq li m’hemmx differenza bejn 100 ruħ mexjin biex jiġbru l-flus għall-karità u 100 ruħ mexjin wara xbieha ta’ Ġesu Bambin fi żmien il-Milied, hekk kif l-istess ammont ta’ persuni jinġabru fl-istess post. Kien għalhekk li staqsa għalfejn ħafna mill-protokolli nbiddlu iżda dawk relatati ma’ attivitajiet reliġjużi qed isibu reżistenza enormi għal ftit tibdil.