Lokali

Rapport tal-Gvern dwar il-pagi qed jinżamm sigriet

Għal xi raġuni li sa issa għadha mhix magħrufa, il-Gvern Laburista ma jridx jippubblika r-rapport dwar x’għandu jkun id-dħul bażiku tal-familji biex tigi miġġielda l-krizi tal-għoli tal-ħajja bil-Ministru Karmenu Abela jgħid li dan ir-rapport huwa linja gwida interna, u għalhekk ma jistax ikun ippubblikat.

Din l-informazzjoni ġiet żvelata mil-gazzetta The Malta Independent wara intervista li saret ma’ Karmenu Abela u titfa’ dawl fuq riċerka li kienet saret f’Awwissu tas-sena li għaddiet mill-Professur Joe Falzon; riċerka illi tat ħarsa lejn x’għandu jkun id-dħul bażiku tal-familji Maltin u Ghawdxin.

Bil-PN jinsisti li l-Gvern, b’rispett lejn dawk l-eluf ta’ ħaddiema u familji li ilhom snin iħossu d-daqqa tal-għoli tal-ħajja, għandu minnufih jippubblika dan ir-rapport, u jneħħi s-segretezza.

Ir-rapport dwar id-dħul bażiku janalizza anke is-sigurtà soċjali u kif dawn is-servizzi jaffetwaw lill-pajjiż u lil dawk l-aktar li jagħmlu użu minnhom.

Fil-kummenti tiegħu lill-Independent, Karmenu Abela qal li l-Gvern ma jridx jippubblika dan ir-rapport, u mill-ġdid tenna li dan se jintuża biss għal skopijiet interni tal-Gvern. U filwaqt illi stqarr li l-Gvern għen biex jitjiebu s-salarji, imkien ma ta soluzzjonijiet dwar l-gholi tal-hajja, iz-zieda fil-prezzijiet, u l-paga minima.

Il-Ministru Abela fil-kummenti tieghu imkien ma’ ghamel referenza ghall-bzonn li jkollna salarji aktar kompetittivi.

Il-verita hi. li meta mqabbla mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta rat waħda mill-anqas żidiet fil-pagi fl-aħħar snin.

Is-sitwazzjoni tal-għoli tal-ħajja u d-dħul bażiku li familja taqla, kienu l-punt ta’ diskussjoni għal ħafna korpi kostitwiti u NGO’s li wrew it-tħassib tagħhom dwar kif din il-problema fl-aħħar snin baqgħet mhiex indirizzata.