Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet skoprejna kif il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien ilu jaf li d-deal tal-bejgħ tal-isptarijiet mhux tajjeb. U issa, anke il-Prim Ministru Robert Abela spicca jgħid li għandu l-istess pożizzjoni ta’ Chris Fearne – fi kliem semplici, ammissjoni li fid-deal ta’ Steward hemm il-problemi. Dan meta saħaq li hu l-Gvern huwa tal-istess pożizzjoni ma’ dak li qal Chris Fearne fl-aħħar jiem.
Dan il-kliem stess jikkonferma li għandna Prim Ministru li jaf li hemm xi ħaġa ħażina fid-deal, imma xorta għadu – minn flusna – jħallas miljuni lil Steward Healthcare. Mhux talli hekk, talli fl-aħħar ġimgħat, iddeċieda li jżid in-nefqa għal dan id-deal b’20 miljun ewro biex b’hekk, għal deal ħażin, se nkunu qed inħallsu 70 miljun fis-sena.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ilu sa minn Awwissu tal-2019 jaf li id-deal tal-isptarijiet huwa wieħed ħażin. Dan kien konfermat mis-Sunday Times of Malta, meta rrapurtat li l-Ministru tas-Saħħa tal-lum, Chris Feane u l-Ministru tas-Saħħa precedenti Konrad Mizzi, kellhom argument jaħraq dwar id-deals ma’ Steward.
L-istess rapport indika li Fearne kien mar għand Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, u qallu li t-trattativi li bdew isiru dak iż-żmien biex Steward jingħataw aktar flus minn dan d-deal ma setgħux jibqgħu fis-seħħ. Fearne saħaq li kien għamilha ċara li ma kienx favur dan id-deal. Iżda minkejja dan it-taħwid kollu, kemm hu, kif ukoll Robert Abela, għadhom qed jimpalaw il-miljuni lil Steward. Dan kollu jikkonferma li Robert Abela u Chris Fearne ilhom jafu sa mill-2019 li qed ninsterqu, u ħallew id-deal tat-tliet sptarijiet ma’ Steward Healthcare fis-seħħ.
Intant, biex il-borma tkompli titħawwad, fl-2019 ukoll, il-Gvern kien ivvinta deal ieħor ma’ Steward. Din id-darba, klawsola. Klawsola li tgħid li jekk Steward jitilqu mill-ftehim, anke minn jheddhom, il-Gvern Malti jrid iħallas 100 miljun ewro. Dwar dan Robert Abela qal li l-Gvern se jkun qed jaghmel dak kollu possibbli “biex jekk Steward tagħżel li titlaq mill-konċessjoni l-Gvern se jagħmel dak kollu possibbli biex jevita li jħallas dak l-ammont.” Ammont li vvinta l-istess Gvern. Meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti, Abela saħaq ukoll li sar jaf b’din il-klawsola meta kienet iffirmata.
Dan ifsser li Robert Abela sar jaf b’din l-aħħar klawsola fl-aħħar tal-2019, ftit ġimgħat qabel sar Prim Ministru. U għalkemm jaf li hemm il-ħażin, illum, kważi sentejn fit-tmexxija tal-pajjiż għadu mingħajr soluzzjoni. U sadanittant, il-Maltin u l-Għawdxin għadom qed jinsterqu.
Fl-aħħar jiem, Bernard Grech flimkien ma’ Adrian Delia ressqu Protest Ġudizzjarju li jżomm responsabbli lill-Prim Ministru l-Membri kollha tal-Gvern talli qed jibqgħu ċassi quddiem din is-sitwazzjoni. Dan filwaqt li Adrian Delia ilu għal dawn l-aħħar snin b’kawża li għadha għaddejja fil-qrati biex dan id-deal jitwaqqaf minnufih.
//= $special ?>