Lokali Qorti

Żewġ partitarji mixlija li qajjmu l-inkwiet fil-logħba kontra Santa Luċia

Żewġ partitarji żgħażagħ ġew mixlija quddiem il-Maġistrat Monica Vella li nhar il-Ħadd li għadda wettqu kommossjoni fit-Tony Bezzina Stadium, f’Raħal Ġdid. Il-partita inkwistjoni kienet bejn Birkirkara u Santa Lucia fejn dawn ta’ l-aħħar rebħu bl-iskor ta’ 2-0.

Kerstin Falzon ta’ 21 sena, li deher il-Qorti bil-krozzi u saqajh fil-ġibs u Jake Attard ta’ 19-il sena ġew mixlija li fil-21 ta’ Novembru li għadda għall-ħabta tas-1.30pm. huma għamlu offiżi fuq il-kuntistabbli Jeremy Fenech, bil-ħsieb li jbeżżgħuh u li ħebbew għalih bi vjolenza.

Huma ġew mixlija wkoll li waqt li kienu deħlin il-ground użaw kliem offensiv u ġabu ruħhom b’mod abbużiv. Kersten Falzon waħdu ġie mixli li għamel ħsara fuq camera tal-Pulizija ta’ mhux  aktar minn 250 euro u li kkometta  reat waqt il-perjodu operattiv ta’ libertà kondizzjonata.

L-Ispettur Paul Camilleri li ressaq liż-żgħażagħ qal li numru ta’ partiarji kienu nvoluti inċident fil-VIP u l-Pulizija marru fuq l-inċident u ħarġu persuna li kienet qed taqla’ l-inkwiet.

Tenna li x’ħin raw li neħħew membru tal-kumitat ta’ Birkirkara, kienu diversi li pprotestaw mid-deċiżjoni. Tenna li f’ħin minnhom mar Pulizija biex ineħħi persuni fejn il- perspects li kienu qed joffendu lil nies ta’ Santa Lucia. Qal li ħadd ma jista’ jiċċaaqqlaq minn postu meta jkun il-ground.

“Fħin minnhom ġew dawn l-ultras li ppretendew li l-Pulizja ma jneħħux lil min kien qed joffendi lil ta’ Santa Lucia. Fżħin minnhom ħaduha sitta ma wieħed, u saret ukoll talba għall–assistenza. Kienu tal-RIU li ġew fuq il-post,” qal l-Ispettur, Kompla jgħid li mill-filmati deher ċar li f’dan kollu kienu involuti ż-żewġ akkużati.   

L-Avukat Richard Sladden li flimkien mal-Avukat Franco Debono deher għal Jake Attard għamel talba għall-pleġġ. Huwa qal li hu jaqbel mal-Ispettur li din kienet kommossjoni. Tenna li mill-filmati fl-ebda filmat ma jidher li Jake Attard ma jerfa’ jdejh, ma offenda u ma hedded lil ħadd u  ma żamm lil ħadd kontra l-volonta tiegħu.

L-Avukat Sladden qal li  mar fejn il-perspects għax kien hemm ħuh ta’ 17-il sena li kien maqbud hemm. Sostna li l-akkużat għad għandu biss 19-il sena, mar għal ħuh minorenni u għalhekk iċċaqqlaq minn postu. “Issa jekk tiċċaqlaq minn postok huwa reat allura l-klijent tiegħi ħati”, qal l-Avukat.  

L-Avukat Franco Debono qal li Attard għandu kondotta nadifa, għad għandu biss 19-il sena u li hija naturali li jekk tara lil ħuk minorenni bilfors tmur ħdejh. Debono kompla jgħid li jekk il-Qorti se tara l-filmati huwa ma ħebb għal ħadd, u kull ma għamel kien biss li mar jiġri. Tenna li għandu impieg fiss fejn jaħdem bħala technician. M’għandux vizzji u li kienet xi ħaġa tal-mument. Qal ukoll li kkopera mal-investigaturi u wieġeb għal kull domanda li saritlu.

L-Ispettur oġġezzjoni. Qal li huwa minnu li  ma hemmx biża li jiġu kontaminati l-provi jew li Attard se jħalli l-pajjiż. Madankollu qal li  l-inċident seħħ fuq xi ħaġa li ma kellha tinqala’ qatt. “Meta tmur il-ground ma tindaħalx f’affarijiet oħra u għandek toqgħod f’postok. Jake kien l-ewwel ma mar fejn il-gate li tagħti fejn il-VIP. U hemm kien hemm ħuh li mar jgħajjar lill-partitarji.

L-Ispettur qal li ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena qal lill-Pulizija ‘tersaqx ‘l hawn u tindaħallix” X’ħin mexxa lil din il-persuna l-akkużat ħaseb li kien se jagħmillu xi ħaġa. L-Ispettur qal ma ma jafx għaliex ħaseb hekk għax il-Pulizija mhux gladjaturi.

L-Avukat Debono qal li hemm qbil li mhux se jiġu kontaminati l-provi. Tenna li dan wara kollox huwa ground tal-football. L-ebda vjolenza mhija aċċettabbli imma kulħadd  jaf x tkun l-atmosfera mhux biss f’Malta imma kullimkien. Kompla jgħid li dejjem ikun hemm ftit tal-passjoni.

Dwar Kersten Falzon il-Prosekzuzzjoni oġġezzjonat ukoll għall-ħelsien mill-arrestat. L-Avukat Noel Bianco li qed jidher għalih qal li dan ukoll mar biex jgħin lil sieħbu ta’ 17-il sena u li kkopera mal-Pulizija.

U dwar il-ksur tal-libertà kundizzjonata qal li din kellha x’taqsam ma’ xi telefonati li kien għamel lill-eks tfajla tiegħu. Qal ukoll li Falzon għandu wkoll impiega stabbli u spiċċa kiser siequ minħabba dak li seħħ fil-ground meta waqa’ bejn xi siġġijiet. Huwa jgħix ukoll mal-ġenituri tiegħu.

L-Ispettur Camilleri qal li Falzon kien li ta d-daqqa fuq żaqq il-kuntistabbli li mar biex jikkalma s-sitwazzjoni. Iż-żewġ żgħażagħ ingħataw il-pleġġ fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ 3,000 ewro u li jiffirmaw darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara.  Il-qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-kuntistabbli.