Lokali Qorti

Żwieġ ma’ Russa dikjarat null fejn l-unika skop kien li tisolħu u tikseb iċ-ċittadinanza

Il-Qorti tal-familja preseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima laqgħet talba ta’ Malti u ddikjarat iż-żwieġ tiegħu ma’ mara Russa bħal null. L-intenzjonijiet tal-mara kienet li tikseb iċ-ċittadinanza Maltija u tmur lejn l-Ewropa kif ukoll li takkwista kemm jista’ jkun flus tant li anke meta l-affarijiet ma kienux sejrin sew huwa baqa’ jagħtija l-flus, fejn b’kollox l-ammont tela’ għal €7,000.

Il-Qorti qalet li ż-żwieġ sar biss għall-konvenjenza tal-mara bl-intenzjoni li teħodlu ġidu kollu. It-tifel tar-raġel li huwa Spettur tal-Pulizija kien fetaħ għajnejn missieru biex jagħmel separazzjoni tal-beni, xi ħaġa li missieru għamel. Hi ma rieditx tagħmel dan imma ibnu kien insista.

Ir-raġel u l-mara żżewġu fi Frar tal-2018 iżda ż-żwieġ tagħhom dam biss xahar. Kien fl-2016 meta l-koppja ltaqgħu fuq dating site u bdew jitkellmu permezz ta’ Skype. Ir-raġel vittma qal fil-Qorti li tliet xhur wara ġiet Malta u għamlet jiem tgħix miegħu qabel telqet lura pajjiżha. Tenna li minn qabel iż-żwieġ kien jagħtiha bejn €500 u €1,000 u ried ukoll li jeqleb id-dar fuqha. Hija kienet qaltlu li taħdem bħala professur fi sptar u riedet tibqa’ miegħu.

Meta ġiet lura l-aġir tagħha kien tali li tagħtu x’jifhem li r-relazzjoni tagħhom se tkompli tiżviluppa tant li kienet issajjar, tnaddaf u tieħu ħsiebu sew. Huwa qal li fi tliet xhur ippjana ż-żwieġ tagħhom u ħa ħsieb kollox hu. Iżda kollox inbidel wara li żżewġu tant li ż-żwieġ bejniethom qatt ma ġie kkonsmat għax qatt ma riedet li jkollha x’taqsam sesswalment miegħu.

Ir-raġel qal lill-Qorti li ftit ġimgħat li kienu ilhom miżżewġin, marret tgħix f’lukanda bla ma tagħtu raġuni. Iżda xorta baqgħet titolbu l-flus tant li b’kollox taha madwar €7,000. Huwa qal li kienet sparixxiet u ma semax aktar b’aħbarha ftit aktar minn xahar wara li żżewġu meta sar jaf li telqet minn Malta għax ibnu kien inzertaha l-ajruport.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li ż-żwieġ kien purament ta’ konvenjenza għall-mara u li riedet tiżżewweġ biss biex tikseb il-Karta tal-Identità Maltija u b’hekk tkun ċittadina Ewropea. Qalet li l-mara kienet tqis lir-raġel bħala mezz ta’ gwadann finanzjarju. Kien għalhekk li l-Qorti laqgħet it-talba u ddikjarat iż-żwieġ bħala null u bla effett.