Lokali Qorti

Anzjan jinżamm arrestat fuq ittri anonimi tat-‘tkexkix’ fil-konfront ta’ erba’ deputati tal-PN u numru ta’ uffiċjali pubbliċi

Anzjan ta’ 71 sena mill-Belt Valletta inżamm taħt arrest wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrrugia Frendo li wettaq thedded permezz ta’ diversi ittri anonimi fil-konfront ta’ erba’ deputati Nazzjonalisti kif ukoll il-President tas-soċjetà ċivili Repubblika, kirurgu u membri tal-familja tagħhom.

Joseph Mary Borg li diġa’ kiser dufrejh mal-Pulizija ġie mixli li hedded lid-deputati Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, Jason Azzopardi u Ryan Callus kif ukoll fil-konfront lil Robert Aquilina – il-President tal-NGO Repubblika, Aquilina, il-kirurgu Kevin Cassar u martu Maria Cassar.

L-Ispettur Kevin Pulis qal li dan huwa reat kontinwat u l-ittri anonimi li ntbagħtu huma tat-‘tkexkix’ bil-biża’ li kien se jsir xi ħaġa lill-vittmi wara l-ittri mibgħuta li f’każijiet imorru lura għas-sena 2016. L-allegat theddid bl-ittri fil-konfront ta’ dawn il-persuni kien wieħed atroċi b’diskors diżreġġattiv li anke jinkludi mard. Borg, li ġie mixli b’26 akkuża, li jinkludu wkoll li sar riċediv u li kkommetta reat meta kien jinsab taħt ordni ta’ probation.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Kevin Pulis u Kurt Farrugia xlewh li kkommetta dawn ir-reati fit-30 ta’ Ottubru, 2021 u fix-xhur u snin ta’ qabel din id-data imma li fil-konfront ta’ Beppe Fenech Adami dawn imoru lura għas-snin 2016 u 2017.

Huwa ġie mixli li permezz ta’ dan it-theddid ħareġ barra mill-limiti ta’ provokazzjoni u li ta fastidju lill-allegati vittmi. Ġie mixli wkoll li bl-imġieba tiegħu kkaġuna lill-persuni li rċevew l-ittri anonimi il-biza li se tintuza vjolenza kontrihom  jew kontra il-propjetà tagħhom.

Borg ġie mixli wkoll li nġurja, hedded jew għamel offiża fuq persuni nkarigati skond il-ligi minn servizz pubbliku, bil-hsieb li jbeżża’ jew li jinfluwixxi fuqhom kontra l-ligi fl-esekuzzjoni ta’ dak is-servizz; Huwa ġie akkuzat talli bejn Mejju 2016 u Marzu 2017 u fix-xhur ta` qabel bil-mezz ta` karta miktuba wettaq theddid filk-konfront tad-deputat Beppe Fenech Adami u li ffastidjah.

Wara li saret talba mid-difiża għall-pleġġ saret oġġezzjoni qawwija minn naħa tal-Prosekuzjoni. L-Ispettur Pulis qal li kien qiegħed joġġezzjona għal żewġ raġunijiet. ” Din hija persuna akkużata b’26 akkuża u dawn fil-maġġoranza kbira tagħhom huma akkużi ta’ gravità fuq diversi persuni pubbliċi kienu qegħdin ġimgħa wara l-oħra, xahar wara l-ieħor, sena wara sena jirċievu ittri anonimi.

“X’ħin taqra dawn l-ittra huma tat-tkexkix. Akkużi li huma serji ħafna. Huwa minnu li l-imputat kkopera mal-Pulizija, imma dawn l-ittri ntbagħtu fi djar privati tagħhom. Persuni li jgħixu mal-familji tagħhom li wkoll uħud minnhom mhumiex persuni pubbliċi. Dawn jiftħu l-kaxxi tal-ittri li se jirċievu materjal perikoluż”, qal l-Ispettur.

“Is-serjetà tagħhom hija tali li l-vittmi rrikorrew għall protezzjoni tal-Pulizija u tant kemm kienu ittri perikolużi li kien hemm min ġie offrut il-protezzjoni tal-Pulizija. Dan ma kienx qed jara xi programm televiżiv u tefa’ post fuq Facebook, li huwa ħażin ukoll,” kompla l-Ispettur.

Qal li l-ewwel ittra tmur lura ħames snin u minn hemmhekk il-quddiem pataflun ta’ ittri anonimi fil-konfront ta’ diversi persuni bdew jintbagħtu. Qal li ma jeskludiex li hemm oħrajn li wkoll sfaw vittmi tal-akkużat. “Mhux neskludih dan u fil-fat kif kont dieħel fil-bini tal-Qorti rċevejt aktar infiormazzjoni li hemm oħrajn.

“Apparti minn hekk hemm l-issue tal-kontaminazzjoni tal-provi. Staqda kif ħassewhom il-vittmi x’ħin raw ittri. Dan jaf fejn jpqgħodu għax bagħthom fir-residenzi tagħhom. Għad hemm xhieda li jista’ jagħtil-każ li huma mbeżżgħin. Hemm xhieda mhux pubbliċi fejn anke ssemmew t-tfal tagħhom u li Borg huwa riċediv.

Id-difiża qalet li l-akkużat kkopera mal-Pulizija u li l-provi huma kollha preċervati u saret tfittxija fid-dar tiegħu u li Borg huwa anzjan. Qal li l-Qorti għandha s-seta’ biex tara li ma jkun hemm ebda intraċċ tal-provi u timponi kundizzjonijiet. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ u qalet li dan minħabba l-biża li jiġu kontaminati l-provi u l-karattru tal-akkużat minħabba l-kondotta tiegħu. L:-Avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi kienu l-avukati tal-parte civile. Għall-akkużat deher l-Avukat Joseph Calleja.