Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex Libjan jitqiegħed taħt att ta’ akkuża fuq attentat ta’ qtil f’garaxx fil-Marsa

Il-Qorti ddikjarat li hemm bażi suffiċjenti biex il-Libjan ta’ 31 sena, li jinsab mixli li pprova joqtol raġel Sirjan billi sawwtu b’ħadida. Il-vittma tal-aggressjoni Abdel Aziz Marzouk qal li ma kellux idea dwar il-mottiv wara l-aggressjoni, hekk kif xehed fil-każ kontra Khaled Eddali, quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

Huwa rrakkonta kif, għall-ħabta tal-4.00 am. tal-Ħadd 7 ta’ Novembru, kien qiegħed bilqiegħda barra l-garaxx tal-Marsa li kien jaqsam ma’ żewġt irġiel oħra, meta wasal Eddali. Huma kienu daħlu ġewwa, fejn l-imputat attakkah b’ħadida twila metru, u laqtu f’rasu, f’dirgħajh u f’riġlejh.

“Imbagħad mort l-isptar u qattajt 14-il jum rieqed,” hua qal, filwaqt li żied li waqt l-attakk insterqu wkoll il-mowbajl tiegħu u madwar €60 fi flus kontanti. Il-prosekutur mill-uffiċċju tal-AĠ, l-avukat Etienne Savona, staqsa lix-xhud jekk kienx hemm xi argumenti preċedenti mal-akkużat.

“Qatt,” qal ir-raġel. “Ma nafx għalfejn għamel hekk miegħi. M’għandi xejn x’naqsam miegħu. Matul l-attakk, qalli ‘tridni ma noqtolx issa? Meta jiġu l-pulizija tgħidilhomx li sawwattek, għidilhom li kien l-ieħor Wadea al Maghrabi.” Mistoqsi kif kien jaf lill-Maghrabi, qal li jafu mit-triq.

Somalu u raġel Eġizzjan kienu fil-garaxx mal-vittma, iżda kollha ħarbu meta beda l-attakk, huwa qal. Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-prosekuzzjoni, huwa qal li l-akkużat kien diġà kien fil-garaxx il-kbir meta wasal fl-4.00 am u kien aggredit fil-parti fejn kien se jorqod.

Waqt l-inċident ma kien skambjat l-ebda kliem ieħor, sostna il-vittma. Ix-xhud kien ilu jgħix fil-garaxx għal madwar xahrejn filwaqt li l-akkużat kien beda jgħix hemm biss madwar ġimgħa qabel. Ir-raġel Somalu kien qed jikri l-garaxx il-kbir u hu u l-Eġizzjan, kienu jikru kamra ġewwa fih, spjega l-vittma. L-Eġizzjan kien rieqed u s-Somalu kien bilqiegħda fil-kċina meta beda l-attakk.

“Meta Khaled laqatni, l-Eġizzjan qam u ħareġ mill-garaxx u s-Somalu kien fil-kċina. Waqajt mal-art u ma nafx x’ġara wara,” kompla jgħid. L-avukat Joseph P. Bonnici huwa l-avukat difensur. Huwa għamel il-kontro-eżami lix-xhud, u ssuġġerixxa li kien ir-raġel l-ieħor kien Libjan, mhux Eġizzjan.

“Kien Eġizzjan mhux Libjan,” insista x-xhud. Staqsa isem ir-raġel Somalu li ħallsulu wkoll il-kera. “Naħseb li Mohammed jew Hamed jew xi ħaġa hekk,” qal ix-xhud. L-Eġizzjan kien jissejjaħ Eid, kompla qal. Ix-xhud m’għadux jgħix fil-garaxx, huwa spjega.

Mistoqsi kemm kien ilu hemm qabel ma beda l-attakk, wieġeb li kien ilu hemm kważi siegħa, f’kamartu. “Mela qed tgħid li Khaled għadu kif tela’ u beda jagħtik mingħajr ma kont tkellimt miegħu?” staqsa Bonnici. “Iva,” wieġeb ix-xhud. “Ma għamilt xejn u beda jagħtini. Naħseb li Khaled ħaseb li kelli flus fuqi.”

L-avukat issuġġerixxa li l-irġiel kienu fin-negozju flimkien ibigħu d-droga u li kien ingħata flus biex jixtri d-droga, iżda l-qorti waqqfet dik il-linja ta’ interrogazzjoni peress li kienet potenzjalment inkriminanti. Oġġezzjona wkoll l-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Roderick Attard, li qal li l-kontro-eżami għandu jkun fuq il-fatti msemmija fix-xhieda.

“Kellek id-dejn ta’ xi flus ma’ xi ħadd?” ippressat l-avukat. “Le.” “Kellkom xi argumenti jew problemi minn qabel mal-akkużat?” “Le,” huwa wieġeb. Ix-xhud li jmiss kien Wadea al Maghrabi mil-Libja. Huwa ġie avżat mill-Qorti li x-xhieda tiegħu tista’ tinkriminah u li kellu d-dritt li ma jwieġebx mistoqsijiet. Al Maghrabi madankollu xehed xorta waħda.

“Jien ma kontx hemm meta seħħ l-inċident. Sirt naf bih meta waslu l-pulizija fil-garaxx fil-Marsa,” huwa qal. Il-maġistrat staqsieh x’kien sab fil-garaxx. “Għadira demm,” kienet it-​tweġiba. Mistoqsi jekk kellimx xi ħadd dwar il-każ, huwa qal li l-ġirien tiegħu Maltin kienu tkellmu miegħu dwar l-inċident.

Al Magharbi qal li kien jgħix ma’ Marokkin, ix-xhud preċedenti u Khaled, l-akkużat. Huwa kien għadu kemm ħareġ mill-ħabs, wara li ntbagħat hemm mill-Maġistrat Mifsud. Ix-xhud qal li kien ra lil Khaled qabel ma ħareġ mill-garaxx, u żied li kien deher normali u ma kien imdejjaq b’ħadd.

Al Magharbi kien telaq mill-garaxx fid-9.00 pm u rritorna fis-7.00 am. Sostna li l-ewwel darba li ra lill-allegat vittma kien il-qorti. Kontro-eżaminat mid-difiża, huwa qal li ħalla lil Khaled u lis-Somalu fil-garaxx meta telaq. Dak iż-żmien ma kienx ra lill-vittma hemmhekk. Wara li semgħet lix-xhieda, il-maġistrat Mifsud iddikjara li kien hemm raġunijiet prima facie biex il-Libjan jitqiegħed taħt at ta’ akkuża. Il-każ ikompli fil-5 ta’ Jannar, 2022.