Lokali

Il-konservazzjoni tal-ilma fil-ġnien tiegħek – Water be the Change

L-ilma huwa komodità limitata, li, jekk ma jintużax sew, jirriżulta fi skarsezzi fil-futur qarib. Il-konservazzjoni tal-ilma tista’ tgħin biex tnaqqas il-possibbiltà ta’ skarsezzi bħal dawn.

Il-ħela tal-ilma mhux biss hija ta’ piż fuq il-provvisti tal-ilma tagħna, imma tista’ tiswa l-flus ukoll. Jekk innutajt żieda kbira fil-kont tal-ilma dan l-aħħar, jaf ikun il-każ, pereżempju, li s-sistema ta’ irrigazzjoni tiegħek fil-ġnien jew fl-għalqa hija l-kaġun. Bla dubju, sistema ta’ irrigazzjoni tajba, kemm jekk fi ġnien jew f’għalqa agrikulturali, tista’ tgħinek tikkonserva l-ilma u tuża kull qatra b’mod effiċjenti.

Il-konservazzjoni tal-ilma qed issir aktar intelliġenti!

Is-sistemi tal-irrigazzjoni tradizzjonali huma l-bażi tal-prattiki agrikulturali u ilhom jeżistu. Madankollu, dawn is-sistemi antiki jeħlu ħafna ilma, tant li persentaġġ kbir tal-ilma li jintuża fis-sistemi tal-irrigazzjoni tradizzjonali jispiċċa jinħela. Is-sistemi tal-irrigazzjoni intelliġenti huma żviluppi u aġġornamenti tal-mezzi tradizzjonali. Għandhom faċilitajiet li jużaw it-temp u sensuri biex jillimitaw il-ħela tal-ilma għall-inqas ħela possibbli. L-installazzjoni ta’ sistema tal-irrigazzjoni bħal din mhix biss investiment għad-dar tiegħek jew għall-post agrikulturali, imma titqies investiment sostenibbli li hu ta’ valur għal flusek u effiċjenti fil-ħin.

Il-konservazzjoni tal-ilma fil-ġnien ta’ darek

Ejja issa nagħtu ħarsa lejn kif nistgħu nikkonservaw l-ilma fil-ġonna tagħna d-dar, hu kemm hu d-daqs tagħhom. Fl-ispazju tal-ġnien tagħna, huwa essenzjali li nikkunsidraw tliet prinċipji ewlenin. L-ewwel, lill-pjanti agħtihom biss l-ilma li għandhom bżonn biex isalvaw sakemm jirritorna l-istaġun tal-ħarifa bix-xita, meta x-xita tgħin bit-tisqija tal-pjanti. It-tieni ħaġa – saqqi l-għeruq ta’ kull pjanta kemm jista’ jkun direttament minflok ma teħli l-ilma fuq partijiet kbar tal-art. It-tielet ħaġa – iġbor u uża l-ilma fid-dar li normalment jinħela biex issaqqi l-pjanti ġol-qsari.

Bidliet sempliċi jistgħu jnaqqsu l-użu tal-ilma biex ma jinħela xejn minn din ir-riżorsa prezzjuża. Ikun xi jkun it-temp, hi idea tajba li tidra tikkonserva l-ilma fil-ġnien tiegħek. B’hekk tkun tista’ żżomm il-pjanti ħajjin fi żminijiet ta’ nixfa, u tkun qed tiffranka l-flus ukoll.

Hemm modi sempliċi kif tnaqqas l-użu tal-ilma fil-ġnien billi timxi ma’ xi passi bażiċi, u tapplika ħiliet li jiffrankaw l-ilma. Hawn huma xi modi kif tnaqqas l-ilma li tuża fil-ġnien:

Żid aktar materjal organiku mal-ħamrija | Billi żżid il-kompost mal-ħamrija, tkun qed tnaqqas l-ammont ta’ ilma meħtieġ. Xi studji sabu li billi żżid il-materjal organiku, tkun qed iżżid il-kapaċità tal-ħamrija biex iżżomm l-ilma.

Meta jkun possibbli, uża Irrigazzjoni bit-Taqtir | L-irrigazzjoni bit-taqtir tiffoka l-irrigazzjoni tal-ilma f’punti speċifiċi fil-ġnien tiegħek. Jinħela inqas ilma meta l-ilma jkun applikat aktar viċin tal-għeruq. Dan jista’ jsir billi l-irrigazzjoni bit-taqtir titpoġġa taħt il-mulch, biex titnaqqas l-evaporazzjoni.

Irregola t-tisqija biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-pjanti tiegħek | Tipi differenti ta’ pjanti jeħtieġu ammonti differenti ta’ ilma. Meta tkun qed taħdem fil-ġnien, huwa importanti li tifhem li l-ħtiġijiet tal-ilma jvarjaw skont l-istadju tal-iżvilupp tal-pjanti tiegħek.

Uża l-mulches biex tnaqqas l-evaporazzjoni | Il-mulch huwa saff ta’ materjal applikat mas-saff ta’ fuq tal-ħamrija biex inaqqas l-evaporazzjoni, pereżempju l-weraq, biċċiet tal-injam, eċċ. L-użu tal-mulch jista’ jnaqqas il-ħtiġijiet tal-ilma tal-pjanti b’massimu ta’ 50%. L-użu tal-mulch fi ġnien, f’xogħol ta’ tisbiħ u fl-agrikultura jtejjeb l-effiċjenza tal-użu tal-ilma għax inaqqas l-evaporazzjoni, itejjeb l-infiltrazzjoni u l-ħżin tal-ilma, u b’hekk inaqqas il-ħela tal-ilma.

Biddel il-mod kif tħawwel | Billi ħafna pjanti jeħtieġu ammonti differenti tal-ilma, huwa importanti li tidentifika u tkun taf dwar iż-żoni differenti fejn tkun qed tħawwel, pereżempju l-ammont ta’ xemx u dell li jkollha żona, it-tip ta’ ħamrija u l-kundizzjonijiet tar-riħ. Dan jgħinek tippjana biex pjanti bi ħtiġijiet simili tal-ilma tħawwilhom flimkien.

L-ilma waqt ħinijiet aktar kesħin tal-jum | Żomm il-ħin fis-sistema tal-irrigazzjoni tiegħek biex issaqqi bejn id-9pm u s-6am, peress li waqt dan il-perjodu speċifiku, l-ilma jkun assorbit aktar milli jkun evaporat.

Ilma tax-xita għall-pjanti

Li tiġbor u taħżen l-ilma tax-xita huwa mod ieħor biex tikkonserva l-ilma fil-ġnien tiegħek u tevita li dan l-ilma jintilef. L-ilma tax-xita li tiġbor jista’ jintuża biex issaqqi l-ġnien, biex taħsel il-karozza, biex tifflaxxja jew taħsel l-art. L-ilma naturali tax-xita huwa dejjem l-aqwa sors ta’ ilma għall-pjanti.

Bi ftit bidliet żgħar ’l hemm u ’l hawn, tista’ tiffranka litri ta’ ilma, li mhux biss huwa essenzjali għall-ekosistema tagħna u għall-ambjent, imma jnaqqaslek ukoll il-kont tal-ilma!

Għal aktar suġġerimenti fuq il-konservazzjoni tal-ilma, żur water.org.mt.