Lokali Parlament

Il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid se terġa’ tinqala’ mill-ġdid

Jason Azzoaprdi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li issa hu konfermat li l-pJazza ta’ Raħal Ġdid se terġa’ tinqala’ għaliex ix-xogħlijiet saru ħażin.

Fil-parlament Jason Azzopardi qal li dan hu skandlu li bilkemm jitwemmen u sostna li issa hu konfermat li fl-2018 l-Gvern inawgura proġett ta’ waħda mill-isbaħ pjazez li kien hawn Malta; liema proġett sewa €3 miljun. Mill-ewwel deher li dan il-proġett, li minnu jgħaddu madwar 30,000 karozza kuljum, kellu problemi għaliex it-triq fil-parti tan-nofs bdiet tisfronda.

Dan ikkapuna problemi għar-residenti minħabba li l-gvern għamel biss pjanċa li kienet tagħmel ħafna ħsejjes meta jgħaddu l-karozzi. Il-funtani quddiem il-Knisja għadhom bla ilma sal-lum waqt li l-ħames zebra crossings għadhom ma jixgħelux għax ma ħasbux għas-servizzi li jellhom jgħaddu.

Hu qal li sar jaf li se tinqala’ l-pjazza mill-ġdid u fil-ġimgħat li ġejjin se jibda l-ittestajr f’żoni differenti tal-pazza biex is-sena d-dieħla tinqala’ l-pjazza. Il-Ministru Josè Herrera issa kkonferma li ntgħażlet kumpanija biex tanalizzza l-pavimentar biex jibdew ix-xogħol u li fl-2022 il-pjazza se tinqala’.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan hu skandaluż għaliex dan il-proġett ikkaġuna diffikultajiet għan-negozji u għan-nies ta’ Raħal Ġdid; filwaqt li tneħħew is-siġar li tant kienu sbieħ. Għaliex il-gvern ħeba din l-aħbar? Kif se jintlaqtu r-residenti u l-ħwienet? Kif se jintlaqtu l-każini tal-baned li hemm fil-pjazza? Min se jassumi r-responsabbiltà għal dan ir-reat kriminali? X’se jiġri mit-€3 miljuni li ntefqu minn fondi pubbliċi? Min se jħallas l-ispejjeż għax-xogħol il-ġdid?

Jason Azzoaprdi qal li l-pajjiż għandu dritt ikun jaf għaliex u kif se jinqala’ dan il-proġett.