Lokali

Il-PN itenni l-wegħda li jsewwi l-inġustizzji kollha fl-entitajiet governattivi

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li waħda mill-wegħdi ewlenin tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dwar l-inġustizzji tal-passat fl-entitajiet governattivi se tkun qed titwettaq parzjalment mill-gvern Laburista.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Partit Nazzjonalista wiegħed li gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed iniedi sensiela ta’ skemi mmirati apposta għal min ġarrab inġustizzja minn entità governattiva li kien impjegat magħha. Il-Partit Nazzjonalista wiegħed ukoll li se jindirizza l-mijiet ta’ każijiet li l-gvern Laburista qed jinjora għalkollox, u dawn se jindirizzahom b’ġustizzja u mingħajr ma jħares lejn l-uċuħ.

Il-Partit Nazzjonalista jistqarr li din l-aħbar tal-lum turi li l-proposti li qed jippreżenta bħala Oppożizzjoni kostruttiva u b’saħħitha mhux biss huma ppjanati, studjati u kkostjati sew, iżda tassew jirriflettu r-realtà li qed jgħixu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Din l-aħbar tal-lum tikkonferma wkoll li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista qed jitfasslu b’tant reqqa li l-gvern Laburista – niexef mill-ideat u nieqes mill-viżjoni – qed jagħżel li jikkopjahom u jimplimentahom hu.

“Aħna hekk irridu… li bil-proposti tagħna jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin, għax fl-aħħar mill-aħħar importanti li min bata xi inġustizzja, jingħata dak li ħaqqu llum qabel għada,” stqarr il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius.

“L-iskemi li wegħdna bħala partit fil-jiem li għaddew wasslu biex il-gvern jiċċaqlaq u jieħu passi. Dan huwa s-sodisfazzjon tagħna bħala partit u bħala politiċi, li bis-sehem tagħna ssir bidla b’viżjoni għall-ġid tan-nies u tal-pajjiż.”

Il-Viċi Kap David Agius kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess bis-sħiħ li jwettaq huwa stess dak li l-gvernijiet tal-passat u l-gvern tal-lum jistgħu jew setgħu jagħmluh aħjar. Jibqa’ kommess ukoll li jagħti widen u attenzjoni sinċiera lill-messaġġ tan-nies, li jibqa’ jagħti kas u jimpurtah tassew mit-tħassib u mill-preokkupazzjonijiet tan-nies.

“Meta nsewwu l-inġustizzji nkunu qed nibagħtu messaġġ ċar li l-ebda persuna m’għandha tiġi trattata inqas minn ħaddieħor u li dak l-aġir mhuwiex, u qatt ma kien, aċċettabbli,” temm jgħid David Agius.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li hija surreali li l-gvern Laburista qed jindirizza parti ċkejkna mill-inġustizzji tal-passat bl-iskuża tal-pandemija, għax issa l-poplu Malti u Għawdxi jaf li l-akbar mażżra mdendla m’għonq il-pajjiż huma l-kuntratti skandalużi jew saħansitra korrotti li daħħalna fihom il-gvern Laburista stess, u li l-gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jimpalalhom il-miljuni minn flus il-poplu.

“Dawk il-miljuni kbar li gvern ġdid Nazzjonalista jiffranka mill-kuntratti skandalużi li qed iberbqu l-flus tan-nies, se nkunu qed ninvestuhom fin-nies,” qal Ivan Castillo, il-President tas-Solidarjetà Ħaddiema PN u kandidat għall-elezzjoni ġenerali. “Din il-wiegħda turi r-ruħ soċjali li fuqha qed nibnu l-bidla b’viżjoni li rridu nwettqu bħala Partit Nazzjonalista għal Malta.”

“B’differenza mill-miżura tal-Labour imħabbra llum, il-proposta tagħna tinkludi lill-eks ħaddiema tal-Airmalta, tat-Telemalta, tal-Malta Casino u oħrajn. U għalhekk, qed inwiegħdu li dawk il-każijiet li l-Labour se jħalli barra, gvern ġdid Nazzjonalista hu kommess li jindirizzahom hu. Barra minn hekk, qed inwiegħdu wkoll li gvern ġdid Nazzjonalista jħejji titjib leġiżlattiv ħalli l-ebda gvern futur ma jerġa’ joħloq xi inġustizzji simili fil-konfront tal-ħaddiema tal-entitajiet governattivi,” temm jgħid Ivan Castillo.

Il-Partit Nazzjonalista bħala gvern alternattiv, jemmen li bħal fil-każ tas-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, dak li huwa dovut lilek, dak li fl-aħħar mill-aħħar huwa tiegħek, l-ebda gvern m’għandu jċaħħdek minnu, u l-ebda gvern m’għandu jitħalla jċaħħdek minnu.