- Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius
Id-Deputat Nazzjonalista David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista se jivvota favur dan l-Abbozz ta’ Liġi għaliex hu favur il-vulnerabbiltà.
Il-politika qegħda hemm għall-persuni u b’mod speċjali qiegħda hemm għall-vulnerabbli.
Hawnhekk hu tkellem dwar il-każ ‘Arsema’ u qal li l-pajjiż għandu jkun sodisfatt u kburi li din it-tifla ċkejkna nstabet u hekk issa beda l-proċess f’Qorti Ingliża biex tinġieb lura f’pajjiżna wara li nkisret il-care order minn ommha stess u ħarġet lil din it-tifla minn pajjiżna.
Tajjeb li xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li ġara għaliex ma jistax ikunli tifla taħt il-care order tispiċċa tittellaq minn pajjiżna bil-mod kif telqet.
Tajjeb li din is-sitwazzjoni ma terġax tirrepeti ruħha u għalhekk l-awtoritajiet ta’ pajjiżna jagħmlu dak kollu meħtieġ biex każijiet koroh bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom fil-futur.
David Agius qal li l-ewwel prijorità tibqa’ t-tifla; il-ġid tagħha aktar mill-ġenituri li kienu ffosterjawha u aktar mill-omm naturali tagħha.
Tkellem ukoll dwar ċerti tfal li għal xi raġuni jew oħra qed jiċċaħħdu milli jmorru l-iskola. Tfal maqbuda bejn Ministeru u ieħor għaliex ma hemmx qbil bejniethom. Għandna nsibu s-soluzzjonijiet għal dawn it-tfal għaliex il-ġenituri u l-istess tfal jgħaddu minn problemi kbar.
Dan l-aħħar kellna l-każijiet tat-tfal Mason u Haiden li nqabdu f’sitwazzjonijiet ta’ tbatijiet u l-ġenituri kellhom jirrikorru għall-media biex tinstab soluzzjoni.
Hu qal li l-Oppożizzjoni hi favur dan l-Abbozz ta’ Liġi, iżda jenħtieġ li l-Gvern jifhem l-importanza li jilleġisla aktar favur il-persuni vulnerabbli, inkluż it-tfal li qed ibatu, li qed ikunu abbużati, li qed isofru n-negliġenza.
Hu stat ta’ fatt li għandna fis-soċjetà persuni vulnerabbli li qed ibatu l-ġuħ. Għaliex? Għaliex il-Gvern ma jagħtihx protezzjoni lil dawn il-persuni li qed jispiċċaw ibatu fis-skiet u fis-solitudni ta’ djarhom.
Qed nisimgħu b’każijiet ta’ anzjani msawta u mhedda. Pensjonanti mhedda li ma jingħatawx il-mediċini jekk ma jżerżqux xi flus. Pensjonanti mhedda dwar il-wirt tagħhom. Mhux bilfors li wieħed jistaqsi dwar il-persuni vulnerabbli li għandhom bżonn is-salvagwardji u l-għajnuna. Fis-soċjetà tagħna hawn min qiegħed ibati.
David Agius ħeġġeġ biex fl-iskejjel isir aktar tagħlim dwar l-abbużi għaliex it-tfal għandhom kull dritt ikunu jafu min se jkun qed jabbuża minnhom.
Sellem lill-Fondazzjoni Lisa Marie u lill-Familja Zahra li qed jagħmlu xogħol importanti favur il-vulnerabbli u ħeġġeġ li l-Istat m’għandu jieqaf qatt jaħdem favur il-vulnerabbli.
Hawnhekk David Agius staqsa lill-Gvern dwar il-ftaħir tiegħu fir-rigward taċ-Ċentru tal-Ibwar u qal li sadattant l-istess Gvern Laburista qed jilleġisla favur il-Kannabis! Fosthom tfal ta’ inqas minn sittax-il sena li diġà huma residenti ta’ dan iċ-Ċentru.
Filwaqt li qal li tajjeb li wieħed japprezza wkoll id-diffikultajiet u l-problemi li għaddejjin minnhom is-Sedqa u l-OASI, appella lill-Gvern li jekk tassew irid ikollu qalb soċjali, allura l-flus għandu jidderiġihom favur il-vulnerabbli.
Il-Gvern qed imexxi mingħajr valuri sodi; mingħajr prinċipji sodi…. l-importanti li jagħti l-flus lil Steward; tajjeb li jagħti l-flus lill-ElectroGas. U filwaqt li lil Steward u lil ElectroGas jagħtihom għexieren ta’ miljuni, is-Sedqa u l-OASI għaddejjin minn kriżijiet ta’ finanzi u ta’ waiting lists.
Għall-Baġit il-Gvern Laburista nefaq man-nofs miljun ewro, iżda mbagħad għall-ġlieda kontra l-barunijiet tad-droga x’qed jonfoq? Ftit u ftit ħafna. U fil-pajjiż hawn problemi oħrajn serji, fosthom dwar il-logħob tal-azzard u x-xorb alkoħoliku.
//= $special ?>