Futbol Sport

Karim Benzema b’sentenza ta’ ħabs sospiża

(Ritratt: EPA)

L-attakkant Franċiż, Karim Benzema nstab ħati li kien kompliċi f’każ ta’ rikatt b’filmati sesswali fuq l-eks-player internazzjonali Franċiż Mathieu Valbuena. Benzema kien ikkundannat sena ħabs sospiża u €75,000, bl-avukat tal-player ta’ Real Madrid jgħid li hu se jkun qed jappella minn din is-sentenza.

Benzema wieġeb li mhux ħati u mistenni jkun fl-iskwadra ta’ Real Madrid li aktar tard llejla tilgħab kontra FC Sheriff f’partita mill-UEFA Champions League. Il-prosekuturi argumentaw kif Benzema nkoraġixxa lil Valbuena biex iħallas lill-allegati persuni li kienu qed jirrikattawh sabiex ma jippublikawx il-filmat.

Fil-Qorti ħareġ li Valbuena beda jirċievi numru ta’ telefonati minn persuni li bdew jhedduh li se jippublikaw il-filmat li ttieħed f’Ġunju tal-2015. Valbuena minn naħa tiegħu qal li huwa ċar li dawk li kienu qed jagħmlu t-telefonati riedu l-flus mingħandu fejn għeddewh ukoll bil-karriera tiegħu bħala player.