Internazzjonali

L-Iżvezja għandha l-ewwel Prim Ministru mara

Il-Parlament fi Stokkolma, fl-aħħar sigħat, approva lil Magdalena Andersson (ritratt) bħala l-ewwel Prim Ministru mara tal-Iżvezja. Intant, Andersson qed tieħu post Stefan Lofven bħala l-kap tas-Soċjal Demokratiċi Żvediżi taċ-ċentru xellug.

L-Iżvezja hi l-uniku pajjiż Nordiku (Skandinav) li qatt qabel ma kellu mara bħala mexxej nazzjonali.

Filwaqt li Andersson – li s’issa kienet taqdi r-rwol ta’ Ministru tal-Finanzi – ma rebħitx il-vot ta’ nofs il-ġimgħa, hi kienet xorta waħda eletta Prim Ministru għaliex, taħt il-liġi tal-Iżvezja, kienet teħtieġ biss li ma jivvutawx kontriha l-maġġoranza tad-deputati fi Stokkolma.

Dan it-tragward storiku, sadanittant, intlaħaq mitt sena wara li n-nisa fl-Iżvezja kienu ngħataw id-dritt tal-vot għall-ewwel darba.

Intant, Andersson, li għandha 54 sena, se tkun qed tmexxi Gvern ta’ minoranza li sar possibbli permezz ta’ ftehim mal-partit tax-xellug fl-Oppożizzjoni – b’dan il-ftehim jippermetti wkoll biex ħafna Żvediżi jibbenefikaw mill-pensjonijiet ogħla. Fl-istess ħin. Andersson aċċertat ukoll mill-appoġġ tal-Ħodor u l-Partit taċ-Ċentru f’din it-tmexxija ġdida.