Internazzjonali

Luttu wara t-traġedja bix-xarabank fil-Bulgarija

Il-popli tal-Bulgariija, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Kosovo bħalissa għaddejjin b’jiem ta’ luttu għall-vittmi tal-inċident li seħħ fil-Bulgarija fil-bidu tal-ġimgħa u li fih tilfu ħajjithom għexieren ta’ nies. Dan wara li xarabank spiċċa ħa n-nar fl-inċident, ftit ‘il hinn minn Sofija, u li kellu jiswa l-ħajja ta’ mill-anqas 46 persuna, inklużi 12-il tifel u tifla.

Illum kien jum ta’ niket kbir fil-Bulgarija waqt li l-Maċedonja ta’ Fuq qed tosserva tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali, bil-bnadar kollha qed jittajjru mezz’asta.

Il-parti kbira tal-vittmi tal-inċident kienu turisti Albaniżi etniċi mill-Maċedonja ta’ Fuq.

Intant, il-Prim Ministru tal-Maċedonja ta’ Fuq, Ziran Zaev, li vvjaġġa lejn il-Bulgarija dritt wara li sama’ bl-inċident, qal li ż-żewġ pajjiżi qed jikkooperaw bis-sħiħ biex isiru jafu l-kawża tal-inċident u jidentifikaw il-katavri tal-vittmi li spiċċaw maħruqin.

Sadanittant, numru ta’ nies li rnexxielhom isalvaw mix-xarabank qed jinżammu l-isptar f’Sofija fejn qed ikunu trattati għall-ġrieħi serji li ġarrbu. Fl-aħħar sigħat, l-Aġent Prim Ministru Bulgaru, Stefan Yanev, u diversi uffiċjali oħra żaru lill-midruba u semgħu personalment ‘l-esperjenza tal-waħx’ li huma għaddew minnha.

Għadu mhux magħruf eżatt x’wassal biex ix-xufier tax-xarabank tilef il-kontroll bir-riżultat li l-vettura spiċċat qisha ‘ballun tan-nar’. L-inċident seħħ kmieni nhar it-Tlieta qrib il-villaġġ ta’ Bosnek ( xi 31 kilometru lejn il-lbiċ ta’ Sofija) fost rapporti li x-xarabank laqat ma’ ‘guard rail’ qabel inqaleb u nħakem mill-fjammi.

Ix-xarabank kien qed jivvjaġġa minn Istanbul fit-Turkija lejn Skopje, fil-Maċedonja ta’ Fuq, bl-uffiċjali qed jgħidu li l-proċess għall-identifikazzjoni tal-vittmi saret ikkumplikata peress li xi nies li kienu bukkjati għall-vjaġġ biddlu ħsiebhom fl-aħħar minuti u deċidew li jivvjaġġaw fuq xi xarabanks oħrajn.