Fl-Etihad Stadium, Manchester City għelbu lil PSG 2-1 f’partita mill-isbaħ. Kylian Mbappe fetaħ l-iskor għal PSG fil-50 minuta, biex gowls ta’ Raheem Sterling fit-63 u ieħor tas-sostitut Gabriel Jesus fis-70 minuta dawwru l-iskor favur Manchester City.
Liverpool għelbu lil Porto 2-0 biex b’hekk għamluhom ħamsa minn ħamsa f’dak li kien meqjus bħala l-grupp tal-mewt. Il-gowls ta’ Liverpool waslu fit-52 minuta permezz ta’ Thiago Alcantara u gowl ieħor ta’ Mohamed Salah fis-70 minuta.
F’partita oħra mill-istess grupp, Milan kisbu l-ewwel rebħa fil-grupp meta fi Spanja għelbu lil Atletico Madrid 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal fis-87 minuta permezz ta’ Junior Messias.
Inter kisbu rebħa komda ta’ 2-0 fi Stadio San Siro fuq Shaktar Donetsk biex b’hekk saħħew it-tieni post fi Grupp D. Il-gowls ta’ Inter waslu bejn is-60 u s-67 minuta permezz tal-attakkant mill-Bosnija Edin Dzeko.
Mill-istess grupp, Real Madrid saħħew l-ewwel post u aċċertaw minn kwalifikazzjoni meta għelbu lil FC Sheriff 3-0. David Alaba poġġa lil Real Madrid fil-vantaġġ wara 30 minuta biex Toni Kross irdoppja ftit qabel il-mistrieħ. Karim Benzema għamilhom 3-0 fil-55 minuta.
UEFA CHAMPIONS LEAGUE
Illum: Club Brugge v Leipzig 0-5, Man City v PSG 2-1, A.Madrid v Milan 0-1, Liverpool v Porto 2-0, Besiktas v Ajax 1-2, Sporting v B.Dortmund 3-1, Inter v Shaktar D. 2-0, Sheriff v R.Madrid 0-3