Internazzjonali

Stati Uniti: Dikjarat mhux ħati wara 42 sena priġunerija

Raġel minn Missouri li spiċċa intortament ikkundannat dwar omiċidju tripplu li kien seħħ fl-1978 inħeles mill-ħabs – fost dikjarazzjoni uffiċjali tal-innoċenza tiegħu – u wara aktar minn 42 sena priġunerija.

Kevin Strickland, li għandu 62 sena, sa mill-bidu nett insista li kien innoċenti mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu – u ma bidel qatt il-versjoni minn dakinar tal-arrest tiegħu fl-età ta’ 18-il sena.

Strickland – li kien ikkundannat il-ħabs f’Ġunju tal-1979 – qal, fl-aħħar sigħat, li ‘qatt ma basar li kellha tasal il-ġurnata fejn hu ikun jista’ igawdi l-libertà’.

Il-każ tiegħu qed jitqies ukoll bħala l-akbar inġustizzja fl-istorja tal-Istat ta’ Missouri –iżda l-liġi ma tippermettix li hu jingħata kumpens finanzjarju għal dak li għadda minnu.

Skont id-data mir-reġistru nazzjonali għal dawn it-tipi ta’ każi – u wara li ilha tinġabar l-informazzjoni u statistika mill-1989 — is-sitwazzjoni ta’ Strickland tinvolvi wkoll is-seba’ l-itwal każ ta’ hekk-imsejjaħ ‘wrongful sentence’ qatt irrkonoxxut fl-Istati Uniti.

Dan wara li imħallef ħareġ direttiva għall-ħelsien immedjat ta’ Strickland wara 15,487 jum ta’ ħajja f’kumpless ta’ ħabs.