Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Ismael Grima

Ismael kien persuna speċjali – bniedem ferrieħi, jaħseb f’ħaddieħor, ġeneruż u li sħabu żgur ser jibqgħu jiftakruh għaliex hu kien jaħseb dejjem fihom – hekk kien deskritt Ismael Grima waqt li ngħata l-aħħar tislima fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġiljan.

Ismael Grima, żagħżugħ ta’ 21 sena residenti San Ġiljan, tilef ħajtu tragikament fl-incident ikrah li seħħ f’Ħal Luqa. 

Wieħed ma setax ma jilmaħx il-preżenza qawwija ta’ żgħażagħ u ħbieb ta’ Ismael li attendew għall-funeral tiegħu sabiex jagħtuh l-aħħar tislima… kollha b’qalbhom maqsuma jsellmu lil wieħed minn sħabhom li tilef ħajtu u ħalla din id-dinja kmieni wisq.

Wieħed seta’ jinnota wkoll li dawk li attendew kienu mħeġġa sabiex ma jilbsux ilbies iswed minħabba li din kienet ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Ismael magħruf ukoll bħalla Izzy.

Fl-aħħar jiem, kienu bosta dawk li ġeddew il-memorji tiegħu fuq il-midja soċjali fejn iddeskrivewh b’aġġettivi sbieħ… b’numru ta’ żgħażagħ jghidu li fil-verità hu impossibli li jesprimu l-vojt li Ismael ħalla warajh; għalkemm ċertament se jżommu b’qalbhom il-memorji sbieħ tiegħu.