Ambjent Lokali

85 skola ppremjati talli qarrbu lit-tfal lejn in-natura

85 skola madwar Malta u Għawdex iċċelebraw il-kisbiet eċċezzjonali li qed jagħmlu fil-ħidma tagħhom biex iqarrbu lit-tfal lejn in-natura permezz tal-programm ta’ edukazzjoni ambjentali Dinja Waħda ta’ BirdLife Malta li huwa mifrux fost l-istudenti tal-etajiet kollha fl-iskejjel mill-Kinder sas-Sekondarja.

Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni tal-programm Dinja Waħda għall-2021 saret fix-Chateau Buskett f’ambjent naturali li ppermetta lill-għalliema jesperjenzaw in-natura b’mod dirett.

Minkejja l-isfidi tal-COVID-19, numru sabiħ ta’ studenti fl-iskejjel irnexxielhom jipparteċipaw b’suċċess fil-programm Dinja Waħda tul is-sena skolastika li għaddiet. Illum, aktar minn qatt qabel, huwa importanti li nħeġġu lill-għalliema
biex jorganizzaw lezzjonijiet barra mill-klassi għall-benesseri tal-istudenti tagħhom.

Fis-settur tal-Primarja 42 skola ġew ippremjati bil-Gold Award, tmien skejjel irċivew is-Silver Award, skola waħda ħadet il-Bronze Award, skola oħra rċeviet award speċjali għall-inizjattivi ta’ tagħlim ibbażati fin-natura, u 31 skola ngħataw Ċertifikat. Ħames skejjel ingħataw il-Blue Banner – award għal skejjel li jkunu rebħu l-Gold Award għal tliet snin wara xulxin.