Lokali

Malta tinħakem minn maltemp qawwi

Il-maltemp mistenni jippersisti sal-lejla

Fl-aħħar sigħat xita kontinwa, sajjetti u silġ laqtu l-gżejjer Maltin – maltemp li qed iġib miegħu għargħar u anke konġestjoni ta’ traffiku f’diversi partijiet tal-pajjiż. B’sewwieqa jirrappurtaw li ħadu aktar minn siegħa u nofs biex waslu x-xogħol. Xi ħaġa li issa saret drawwa ta’ kuljum hekk kif l-ammont tat-traffiku fit-toroq Maltin sar wieħed bla preċedent.

Persuni li tkellmu ma’ Net News esprimew il-frustrazzjoni tagħhom għall-fatt li wara l-ftaħar bid-diversi proġetti ta’ twessiegħ ta’ toroq… kienu proġetti li ma solvewx il-problema kbira li għandu pajjiżna fejn jidħol it-traffiku u anke l-infrastruttura li suppost tilqa’ għall-ilma tax-xita.

Minħabba x-xita qawwija u kontinwa, diversi nħawi fil-gżejjer Maltin spiċċaw mgħarrqa. Fost l-aktar li ntlaqtu minn dan il-maltemp kien hemm l-inħawi tal-Imsida, B’Kara, il-Mosta u n-Naxxar. Kelliem tal-Pulizija qalilna li kien hemm rapporti ta’ karozzi li tkaxkru minħabba l-ammont kbir ta’ xita li niżlet. Dan filwaqt li l-Protezzjoni Ċivlia kellha diversi rapporti ta’ vetturi li waqfu minħabba l-ammont kbir ta’ ilma.

Intant id-Dipartiment tal-Informazzjoni ħareġ appell sabiex il-pubbliku jkun kawt u jekk jista’ jkun jibqa’ ġewwa jew jevita nħawi li huma magħrufa li jinġema’ ammont kbir ta’ xita.

Fi stqarrija l-Malta Public Transport qalet li minħabba l-maltemp, kienu affettwati numru ta’ rotot tat-trasport pubbliku f’diversi nħawi.