“Kburi li Maltija bħalna tista’ tkun f’pożizzjoni li tmexxi waħda mill-ikbar istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.”
“Jien kburi bħal kull Malti u Għawdxi li mara, waħda minna, llum qiegħda f’pożizzjoni illi jista’ jkollha l-akbar kariga fil-Parlament Ewropew.“
Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech wara li l-MEP Nazzjonalsita u Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet magħżula bħala l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Bernard Grech qal li dan kollu ma ġiex b’kumbinazzoni… dan għaliex il-Partit Nazzjonalista kien l-uniku partit li emmen fl-Unjoni Ewropea.
“Seħħ ukoll għaliex emminna li aħna nistgħu nkunu daqs sħabna l-Ewropej bilqiegħda madwarhom nitkellmu, niddiskutu u niddeċiedu magħhom. Imma wasalna wkoll fil-punt fejn Maltija bħalna tista’ tkun f’pożizzjoni li tkun qiegħda tmexxi waħda mill-ikbar istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.“
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-ħiliet tal-Maltin u fil-potenzjal ta’ Malta u ta’ Għawdex… u dejjem ra kif il-viżjoni tiegħu timxi ‘l quddiem għall-ġid tal-pajjiż.
“Issa bil-fatti anke l-Partit Nazzjonalista qiegħed fuq quddiem biex jerġa’ jikseb lura mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.“
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minkejja li Roberta Metsola ġejja minn pajjiż żgħir, dan m’għandux għalfejn ikun ta’ xkiel għax hija mara kapaċi u tista’ tkun il-persuna li tmexxi ‘l quddiem din l-istutzzjoni tal-Unjoni Ewropea.
“Awguratilha li tkun ambaxxatriċi għal pajjiżna biex pajjiżna jerħa’ jibda jikseb mill-ġdid ir-reputazzjoni, l-unur li dejjem kellu u li jixraqlu. Il-Partit Nazzjonalista u Malta u Għawdex kollu, inkunu wara Roberta Metsola biex f’Jannar li ġej tkun hi l-magħżula fl-elezzjoni ma’ anke rappreżentanti oħra minn partiti oħrajn biex tkun hi li qiegħda tmexxi din l-istituzzjoni. “
//= $special ?>