Internazzjonali

Gżejjer Solomon: Jintervjenu l-Awstraljani waqt l-irvellijiet

L-Awstralja qed tibgħat it-truppi biex jikkontrollaw l-irvellijiet li għaddejjin bħalissa fil-Gżejjer Solomon. Il-vjolenza ilha għaddejja mill-Erbgħa meta dimostranti assedjaw il-bini tal-Parlament f’attentat biex ikeċċu lill-Prim Ministru Manasseh Sogavare.

L-irvellijiet komplew għat-tieni jum konsekuttiv fil-belt kapitali ta’ Honiara u l-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li membri tal-pulizija u l-Armata tal-Awstralja se jipprovdu stabbilità u sigurtà lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-folol f’Honiara sfidaw il-lockdown u taw in-nar lill-bini tal-Gvern kif ukoll lil xi stabbilimenti kummerċjali

Morrison, intant, żvela li hu, din il-ġimgħa, irċieva talba għall-għajnuna mingħand il-Prim Ministru Sogavare taħt trattat tas-sigurtà  (bilaterali)  li l-pajjiżi kienu ffirmaw fl-2017.

It-trattat jippermetti biex, f’każ ta’ emerġenza, il-pulizija, membri tad-difiża u entitajiet ċivili assoċjati tal-Awstralja jkunu stazzjonati mill-aktar fis fil-Gżejjer Solomon.