Lokali Saħħa

Il-jum li jfakkar il-vittmi nisa tal-vjolenza domestika

Tittella' konferenza f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema biex tfakkar il-Jum Dinji għall-Eradikazzjoni tal-Vjolenza Domestika fuq in-Nisa

Fost il-każi varji li n-nisa jkollhom jaffaċċjaw meta jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika hemm sitwazzjonijiet marbuta ma’ swat, il-vjolenza relatata ma’ flus, dik verbali kif ukoll vjolenza psikoloġika.

Dan huma l-każijiet li tħabbat wiċċha magħhom l-Aġenzija Appoġġ …. kif spjegat Colette Farrugia Bennett, Service Manager tal-istess Aġenzija, f’Konferenza li ttellgħet f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema biex tfakkar il-Jum Dinji għall-Eradikazzjoni tal-Vjolenza Domestika fuq in-Nisa.


L-istejjer huma koroh immens, koroh li nisimgħu u koroh aktar għal dawk li jkunu għaddejjin minn dan it-tiġrib. Mal-vittmi ikun hemm ħafna drabi it-tfal li jkunu għaddejjin ukoll minn dawn l-esperjenzi diffiċli. L-iskop tas-servizzi fl-Aġenzija Appoġġ huwa li joffru sapport lill-vittmi, lit-tfal u anki lill-aggressuri.”

Fil-konferenza gie spjegat kemm huwa importanti li jingħata sostenn ukoll lill-aggressuri … għaliex dan jgħin biex tiġi eliminata l-vjolenza li jsoffru l-vittmi.

L-Aġenzija Appoġġ, fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, permezz ta’ tim ta’ social workers u professjonist, toffri servizz ta’ terapija filwaqt li grupp speċjalizzat fix-xelter tal-emerġenza jiffoka aktar fuq it-trawmiet li jgħaddu minnhom in-nisa, b’tim iffukat fuq l-esperjenzi li jgħaddu minnhom it-tfal biex jgħinuhom jipproċessaw din l-esperjenza trawmatizzanti.

Apparti l-vjolenza domestika fuq in-nisa, dan il-jum dinji ifakkar l-eradikazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, bl-Appoġġ tiltaqa’ ma’ każijiet ta’ żwiġijiet sfurzati u female genital mutilation barra mill-pajjiż.

“In-numri li niltaqgħu magħhom mhumiex kbar għaliex naħseb li m’hemmx biżżejjed għarfien dwar dawn it-tipi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru. Minkejja dan, huwa importanti ħafna li dawk kollha bħalna li joffru servizz ta’ xi forma ta’ sapport, bħall-istituzzjonijiet tas-saħħa u edukattivi, li ningħaqdu kollha flimkien biex noffru s-sapport tagħna lil dawk il-persuni li jistgħu jkunu vittmi, speċjalment dak li għandu x’jaqsam ma’ FGM.”