Lokali

Il-PN juri l-gratitudni tiegħu lejn dawk kollha li żammew l-ordni fit-toroq tagħna

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista wera l-gratitudni tiegħu lejn dawk kollha li żammew l-ordni fit-toroq tagħna minkejja l-maltemp qawwi li ħakem lill-gżejjer Maltin fl-aħħar sigħat.

Permezz ta’ stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza, Beppe Fenech Adami flimkien mal-Kelliem għat-Trasport u l-Infrastruttura, Toni Bezzina, il-PN spjega kif kawża tal-ammont qawwi ta’ xita li għamlet, żdied il-periklu fit-toroq minħabba l-għargħar li inġema. Għaldaqstant, l-forzi tal-ordni bħall-pulizija, protezzjoni ċivili, l-armata, uffiċċjali ta’ Transport Malta u oħrajn kienu strumentali sabiex tinżamm kemm jista’ jkun l-ordni u jiġi evitat kemm jista’ jkun il-periklu.

“Sadanittant, bħala Partit Nazzjonalista se nkomplu nisħqu dwar l-bżonn ta’ aktar pjanar, partikolarment għall-ilqugħ ta’ ilma permezz ta’ water culverts. Jidher biċ-ċar li fil-proġetti infrastrutturali li qed isiru bħalissa, spiss mhux qed tiġi inkluża infrastruttura li timmitiga l-għargħar u nuqqas kbir ta’ manutenzjoni ta’ l-istess infrastruttura. Għalhekk huwa essenzjali aktar investiment minn dan il-lat sabiex nevitaw kemm jista’ jkun sitwazzjonijiet bħal tal-lum.”