Il-Protezzjoni Ċivili qed tappella biex wieħed ma jpoġġix lilu nnifsu fil-periklu bla bżonn u jiġu evitati postijiet fejn jaħkem il-baħar jew jgħaddi l-ilma, pereżempju widien. Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-forza tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-lant tax-xogħol ġiet irduppjata sabiex tlaħħaq mas-sejħiet li qegħdin isirulha. Ir-rapporti jindikaw li din hi waħda mill-agħar maltempati f’ħafna żmien.
Id-Direttur Ġenerali Emanuel Psaila, spjega li bħalissa r-riżorsi tal-Protezzjoni Ċivili huma ffukati fuq operazzjonijiet ta’ salvataġġ, għalhekk appella lill-pubbliku sabiex iċemplu fuq in-numru 112 f’każijiet tal-ikbar emerġenza. Filwaqt li sostna li ma hemmx lok għall-paniku, Emanuel Psaila spjega kif operazzjonijiet oħrajn, fosthom għajnuna biex jiġu kkontrollati għargħar, se jibqgħu għaddejjin. Madankollu, il-prijorità tad-Dipartiment tkun dejjem każijiet fejn jista’ jkun hemm ħajja f’periklu.
Intant f’każ partikolari, kellha tissejjaħ l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta wara li żewġ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċvili sabu ruħhom f’difikultà waqt li kienu qed jagħtu l-assistenza lil persuna oħra.
//= $special ?>