Basketball Sport

Rebħa oħra bi skor għoli għal Hibernians

Colin Schembri

Mellieħa Libertas Spalding 66

Depiro 70

(9-16)(11-19)(27-15)(19-20)

Depiro kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva din id-darba kontra Mellieħa Libertas biex b’hekk issa ż-żewġ timjiet għandhom l-istess numru ta’ punti. Depiro kellhom vantaġġ ta’ 14 -il punt fit-tielet sessjoni però sofrew rimonta ta’ Mellieħa li kienu ferm viċin li jaqilbu r-riżultat.  Isaac Bonett fetaħ il-partita bi tlett punti għal Mellieħa bir-risposta ta’ Depiro tiġi bi break ta’ 16-2 bit-three pointers ta’ Michael Debattista u Terrence Reese flimkien ma’ baskets minn Alex Oriakhi, Sean Galea u TJ Atwood. Mellieħa għalqu t-taqsima b’baskets minn Vukassin Jandric u Nenad Bukva għal skor ta’ 16-9. Fit-tieni perjodu kien hemm baskets fuq kull naħa qabel ma Depiro kabbru l-vantaġġ bi trippla oħra ta’ Reese flimkien ma’ Atwood. Break qasir ta’ 6-2 minn Mellieħa rahom inaqqsu d-distakk għal seba’ punti però 8 punti konsekuttivi minn Atwood raw lil Depiro jidħlu jistrieħu 15 minn fuq 35-20.

Wara l-intervall, Mellieħa kellhom it-trippli ta’ Nik Vasovic u l-Amerikan Austin Wrighten però Atwood u Oriakhi komplew bil-punti tagħhom u Depiro kellhom, vantaġġ massimu ta’ 16 -il punt 46-30. Jandric u Wrighten bdew ir-rimonta ta’ Mellieħa speċjalment lejn tmiem il-perjodu meta għamlu run ta’ 11-0 bi tlett trippli li f’daqqa waħda wassluhom sa’ 3 punti ‘l bogħod 47-50. L-aħħar sessjoni kienet missielta fejn Mellieħa komplew jitħabtu u naqqsu d-distakk għal basket wieħed. Trippla ta’ Nicholas Grech u basket minn Atwood taw ftit tan-nifs lil Depiro però punti ta’ Wrighten u Vasovic wasslu lil Mellieħa punt minn taħt 60-61. Reġa’ kien Grech li kabbar il-vantaġġ ta’ Depiro però Mellieħa ma ċedewx sal-aħħar fejn Wrighten għamel trippla għal skor ta’ 66-67. Mellieħa għamlu l-fouls biex iwaqqfu l-arloġġ però Depiro skurjaw il-free-throws permezz ta’ Grech u Atwood biex ħadu nifs kbir u ħarġu rebbieħa 70-66.

Mellieħa Libertas: M. Falzon, V. Jandric 11, N. Vasovic 8, I. Bonett 3, C. Briffa, N. Bukva 10, J. Joyner 9, M. Azzopardi, CJ Cordina, N. Sultana, A. Wrighten 25.

Depiro: S. Galea 2, B. Nel, N. Grech 7, S. Vella, TJ Atwood 38, M. Brincat 2, M. Mallia, A. Oriakhi 11, M. Debattista 3, L. Vella, T. Reese 7.

Referees: Bernard Vassallo, Daniela Torok, Vladimir Nikolic.

Bupa Luxol 76

Starlites Naxxar 87

(20-26)(12-20)(29-23)(15-18)

Starlites Naxxar għamluhom erbgħa minn erbgħa fil-kampjonat meta f’partita pjaċevoli għelbu lil Bupa Luxol 87-76. Luxol offrew prestazzjoni aħjar mill-aħħar ħarġiet tagħhom għalkemm reġa’ kellhom mument diffiċli fl-attakk din id-darba fit-tieni sessjoni. Huma rkupraw lil Marco Matijevic li però falla l-free-throws kollha li kellhu f’ħinjiet kruċjali. Starlites tilfu lil Robert Bonnici f’injury fir-raba’ taqsima. Il-partita kellha bidu tajjeb fejn saru diversi three pointers fuq iż-żewġ naħat. Starlites kellhom il-punti ta’ Jacob Bates u Jamiah Haynes li pattew għall-partita kwieta ta’ Myles Thomas però Luxol bdew jirrispondu permezz ta’ Matijevic u Cannan Coffey bis-sessjoni tagħlaq bi trippla ta’ Bates għal skor ta’ 26-20. Luxol fetħu t-tieni perjodu b’basket ta’ Paul Attard però waqfu jiskurjaw għal xi ħin bi Starlites japprofittaw u jagħmlu break ta’ 14-0 maqsum bejn diversi players u marru 40-22 minn fuq. Coffey finalment wieġeb għal Luxol flimkien ma’ JP Schembri u Matijevic però trippla fuq kull naħa ħallew lil Starlites fuq quddiem 46-32.

Fit-tielet sessjoni, wara li Starlites kellhom il-punti ta’ Bates, Coffey għamel tlett three pointers wara xulxin biex ġab lil Luxol 5 punti ‘l bogħod b’Paul Ferrante jagħjjat it-time out. Dan wassal għal seba’ punti mingħajr risposta minn Starlites li reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 12 -il punt però Luxol komplew jitħabtu u trippli ta’ Juan Cefai u Coffey ħallewhom viċin. Haynes wieġeb għal Starlites flimkien ma’ trippla ta’ Alec Felice Pace għal skor ta’ 69-61. Fl-aħħar taqsima Luxol reġgħu waslu sa’ 5 punti ‘l bogħod wara trippla ta’ Cefai però Starlites wieġbu b’disa’ punti oħra mingħajr risposta. Huma reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 14 -il punt li baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 87-76.

Luxol: J. Cefai 16, K. Gauchi, N. Buhagiar, P. Attard 5, JP Schembri 13, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey 24, S. Opojevlic, M. Matijevic 24.

Starlites: A. Felice Pace 12, I. Azzopardi, A. Azzopardi, R. Bonnici 8, I. Felice Pace 11, M. Fabri 5, L. Riolo, M. Scerri 4, J. Bates 23, L. Farrugia, J. Haynes 19, M. Thomas 5.

Referees: Florentina Ciurariu, Ionut Ciurariu, Fanni Fabok.

Gżira Athleta 82

Hibernians 101

(16-25)(21-26)(25-30)(20-20)

Hibernians wieġbu għar-rebħa ta’ Starlites meta għelbu lil Gżira Athleta 101-82 fejn għal darb’oħra reġgħu qabżu l-mitt punt fil-kampjonat. L-Amerikani Maso Vires u Christian Soderholm jidher li qablu sew flimkien u meta jkun fuq il-court ankè Ivan Demcesen jagħti l-kontribut tiegħu. Athleta mill-ġdid mingħajr Francesco Mifsud Bonnici u Matthew Gouder, l-istess bħal Hibs bl-injuries fit-tul ta’ David Bugeja u Peter Shoults. Fl-ewwel ħinijiet tal-partita, Hibs marru 12-4 minn fuq bill-punti ta’ Vires u Anton Axiaq flimkien ma Soderholm. Athleta kellhom risposta minn Zachary Hudson u Nathan Xuereb però Hibs komplew bi break ieħor ta’ 9-2 bi trippla ta’ Keith Dimech. Wara li Athleta wieġbu permezz ta’ trippla ta’ Hudson u basket ta’ Xuereb, l-aħħar punti ta’ Hibs ġew minn Demcesen u Vires għal skor ta’ 25-16. Fit-tieni perjodu Athleta kellhom 8 punti mingħajr risposta bi trippli ta’ Luca Stefanovic u Montague u naqqsu d-distakk għal 5 punti 24-29 però l-Pawlisti wkoll wieġbu b’żewġ trippli minn Dimech u Vires. Il-partita baqgħet pjaċevoli bil-punti ġejjin kontinwament bil-Hibs jagħlqu t-taqsima bi 8 punti mingħajr risposta għal skor ta’ 51-37.

Wara l-mistrieħ, Hibs fetħu b’punti konsekuttivi ta’ Soderholm bl-Athleta jwieġbu bit-three pointer ta’ Montague flimkien ma’ Xuereb u Hudson. Wara sitt punti oħra ta’ Soderholm, kien hemm mument ta’ botta u risposta biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin inklu three pointers fuq kull naħa biex Hibs għalqu l-perjodu fuq quddiem 81-62. Fl-aħħar sessjoni Hibs żammew il-kontroll u trippla ta’ Luke Farrugia poġġiethom 20 punt minn fuq 90-70. Wara risposta għall-Athleta minn Montague u Hudson, Hibs għaqqdu l-mitt punt bi trippla ta’ Soderholm. Montague u Hudson għamlu l-aħħar punti tal-Athleta hekk kif Hibs ħarġu rebbieħa 101-82.

Gżira Athleta: Z. Hudson 25, S. Montague 32, L. Stefanovic 3, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 16, I. Xuereb 2, S. Vincic 2, R. Abela, J. Caruana, B. Zammit 2.

Hibs: M. Vires 28, N. Cassar, M. Vucinic, L. Farrugia 5, K. Dimech 11, A. Axiaq 11, R. Aquilina, M. Attard 4, C. Soderholm 31, I. Demcesen 11.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic.

Rimonta minn ARMS Depiro tħallijhom fit-tielet post

ARMS Depiro 67

Starlites Naxxar 34

(8-9)(13-13)(11-13)(22-10)

ARMS Depiro kellhom jistennew sa’ tard fil-partita biex jegħlbu l-isfida qalbiena ta’ Starlites Naxxar u kellha tkun run ta’ 14-0 fl-aħħar sessjoni li tathom ir-rebħa. Għal Starlites tilfu partita li għal ħin twil kienu fil-vantaġġ. Kienu Starlites li fil-fatt fetħu l-aħjar meta għamlu l-ewwel seba’ punti tal-partita mingħajr risposta bil-punti jaslu minn Christina Curmi u Stepahnie Davies. L-ewwel risposta ta’ Depiro ġiet mill-Amerikana Hannah Johnson flimkien ma’ Julia Xerri fejn kienu huma li għamlu run ta’ 8-0. L-aħħar basket wasal minn Kay Portelli għal Starlites għal skor ta’ 9-8. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Depiro marru minn fuq wara baskets minn Johnson u Claire Ciantar però Starlites irrispondew permezz ta’ Curmi u Andie Saliba biex reġgħu ħadu l-vantaġġ. Trippla ta’ Monique Caruana poġġiet lil Depiro fuq quddiem però kienu Starlites li daħlu jistrieħu minn fuq wara punti minn Maria Bonett u Saliba.  

Fit-tielet taqsima, Portelli u Mikela Riolo fetħu għal Starlites b’Curmi tagħmel trippla li tathom vantaġġ ta’ 4 punti. Għal Depiro kienet biss Johnson li għamlet il-punti però dawn ma kienux biżżejjed biex jaqilbu r-riżultat biex Starlites baqgħu fuq quddiem fuq skor baxx ta’ 35-32. L-aħħar sessjoni fetħet bil-punti ta’ Simone Wilke u Saliba għal Starlites li marru sebgħa minn fuq 40-33. Johnson għamlet 5 punti oħra u wara li Curmi kellha basket ieħor għal Starlites, waslet run deċisiva ta’ 14-0 minn Depiro b’żewġ trippli ta’ Caruana biex marru 10 minn fuq 52-42. Starlites ma setgħux jirkupraw hekk kif dehru demoraliżżati biex Depiro ħarġu rebbieħa 54-45. 

ARMS Depiro: H. Johnson 34, M. Caruana 9, Ni. Agius, J. Xerri 4, J. Mallia, L. Duncan 2, T. Mfsud Tanti, No. Agius, C. Ciantar 5, N. Hili, N. Borg, D. Galea.

Starlites: A. Saliba 8, M. Riolo 2, K. Mifsud, S. Farrugia, M. Bonett 3, C. Cilia, K. Portelli 6, M. Fenech, C. Vella 2, S. Wilke 6, S. Davies 6, C. Curmi 12.

Referees: Ionut Ciurariu, Nicky Azzopardi, Florentina Ciurariu.

Caffè Moak Luxol 39

Hibernians 54

(9-11)(9-15)(5-7)(16-21)

Hibs kisbu r-raba’ rebħa tal-kampjonat meta għelbu lill Caffè Moak Luxol 54-39 f’partita li fiha kien hemm diversi turnovers fuq iż-żewġ naħat u shooting żbaljat u kien biss fl-aħħar taqsima li l-partita tjiebet xi ftit. Fl-ewwel sessjoni, l-punti kienu maqsuma fuq iż-żewġ naħat b’botta u risposta bil-Hibs ikollhom trippla minn Sam Brincat. Għal Luxol il-punti kienu maqsuma bejn Jennifer Oramas u Josephine Diaby fil-waqt li l-Amerikana tal-Hibs, Kenyotta Jenkins għamlet l-aħħar sitt punti tagħhom għal skor ta’ 11-9. Hibs fetħu aħjar fit-tieni perjodu u trippla ta’ Ylenia Bonett u punti ta’ Marie Buhagiar tawhom vantaġġ ta’  8 punti 17-9. Luxol wieġbu permezz ta’ Paula Ellul u Diaby però Hibs għamlu run ta’ 9-2 biex daħlu jistrieħu 26-18 minn fuq.

It-tielet taqsima ftit li xejn kienet entużjażmanti fejn saru biss 12 -il punt jekk kif kien hemm diversi attakki żbaljati fuq iż-żewġ naħat. L-aktar li spikkat kienet run ta’ 6-2 minn Hibs kollha minn Kirsty Caruana u Ashleigh Van Vliet li tathom vantaġġ ta’ 10 punti 33-23. Fl-aħħar taqsima kien hemm ftit titjib speċjalment mill-Pawlisti li bdewha bi break ieħor ta’ 6-2 bill-punti ta’ Jenkins, Bonett u Van Vliet. Luxol kellhom risposta minn Sarah Pace li għamlet trippla qabel ma Hibs kisbu tmien punti oħra mingħajr risposta b’żewġ baskets ta’ Van Vliet. Hibs issa kienu 17 minn fuq u sa’ tmiem il-partita ftit li xejn kien hemm tibdil għajr trippla fuq kull naħa minn Oramas u Van Vliet biex Hibs ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 54-39.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace, S. Pace 10, M. Mercieca 1, N. Vella, H. Galea, S. Vella, A. Borg 1, P. Ellul 2, J. Diaby 10, S. Bonfiglio,  A. Fenech Pace 2, J. Oramas 13.

Hibernians: M. Buhagiar 3, I. Agius, Y. Bonett 14, A. Van Vliet 15, S. Brincat 3, J. Abela, C. Camilleri, K. Jenkins 16, N. Farrugia, K. Caruana 3, J. Borg Cardona. Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi, Florentina Ciurariu