Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa Liturġika ta’ Santa Katarina V.M. fiż-Żurrieq, il-Parroċċa Żurriqija żanżnet xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-kwadru laterali tal-‘Qtugħ ir-Ras ta’ Santa Katarina’, xogħol il-pittur ċelebri Francesco Zahra, li sar fl-1755.
Dan ix-xogħol ta’ restawr sar minn Pierre Bugeja u t-tim tiegħu tal-ażjenda Prevarti grazzi għall-fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fondazzjoni GALXlokk, li kopra 80% tal-ispiża, kif ukoll l-għajnuna finanzjarja ta’ benefattur Żurrieqi li kopra l-kumplament.

Waqt iċ-ċeremonja inawgurali, li saret fil-Knisja Arċipretali u Matriċi ta’ Santa Katarina V.M. waqt Serata Mużiko-Letterarja bis-sehem tal-Banda Santa Katarina V.M., ir-restawratur spjega li dan kien proġett ta’ sfida partikolari għaliex kellu jitneħħa saff ta’ żebgħa taż-żejt li kien applikat f’intervent ta’ restawr li sar aktar minn 100 sena ilu biex jinkixef is-saff oriġinali tal-pittura.
Matul iż-żminijiet, il-kwadru sofra minn deterjorazzjoni konsiderevoli u minn interventi qawwija li tellfu għal kollox il-ġmiel oriġinali tiegħu biex b’dan ir-restawr, il-kwadru reġa’ kiseb il-glorja tiegħu.

Il-pittur tal-kwadru flimkien ma’ missieru, l-arkitett u skultur Pietro Paolo Zahra, kellu konnessjoni mill-qrib maż-Żurrieq hekk kif zijuh kien Kappillan u fi zmienu saru bosta xogħlijiet u skultura fil-Knisja.
Il-kwadru tal-Qtugħ ir-Ras jifforma parti minn żewġ kwadri laterali li kienu ġew ikkummissjonati għal fuq il-bibien tal-kapppelluni tal-knisja mill-benefattur Fra Guido Sambiase, Kavallier Taljan minn Cosenza, bħala parti minn ċiklu ta’ xeni mill-ħajja ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra li Francesco Zahra ħadem f’nofs is-seklu tmintax biex jikkumplimentaw il-kwadru titulari tal-Martirju tar-Rota, xogħol ta’ Mattia Preti.
