Lokali

Schola Cantorum Jubilate b’sensiela ta’ kunċerti tal-Milied fis-Santwarju Nazzjonali ta’ Pinu.

Dan il-Milied, Schola Cantorum Jubilate (SCJ) se tieħu lill-udjenza tagħha fuq vjaġġ mużikali b’sensiela ta’ kunċerti uniċi ġewwa it-tempju majestuż ta’ Ta’ Pinu, f’Għawdex.

Schola Cantorum Jubilate diġa magħrufin sew għall-kunċerti tal-Milied li jtellgħu ta’ kull sena, fosthom Carols by Candlelight u Song Reborn. Din l-aħħar produzzjoni ġiet nominata għall-Premju Għall-Arti 2020 mill-Kunsill Malti Għall-Arti. Din is-sena ukoll il-kor se jkunu qed itella’ avveniment korali memorabli.

Ċirku9Ġrajja huwa kunċett ta’ tliet kunċerti, kull wieħed b’atmosfera, koristi u mużiċisti differenti. Il-Milied u t-tradizzjoniijiet marbuta miegħu se jkunu magħġuna b’mużika vibranti kif ukoll ħsibijiet li jwasslu lill-udjenza tikkontempla fil-profond dwar il-vjaġġ u l-ġrajja ta’ ħajjitna.

“L-għan ewlieni hu li nipprovdu esperjenza akustika indimentikabbli, kemm għallkoristi kif ukoll għal dawk li jattendu,” spjega d-Direttur Artistiku ta’ SCJ, Stefan Attard. “Għal kull kunċert nagħmlu ħilitna biex inkunu innovatavi b’ideat varji u nżommu l-udjenza ħerqana biex tattendi għal kunċerti tagħna li ntellgħu minn żmien għal żmien. Konxji li l-ħin huwa prezzjuż għal kulħadd, nemmnu li l-mużika u lkunċerti tagħna għandhom jgħaddu messaġġi lill-udjenza biex jgħinuha tieqaf, taħseb u tevalwa, kemm fuq livell personali u anke bħala komunita’”, ikompli Stefan. Il-post li ntagħżel din is-sena żgur li se jkompli iżid ma dan, bl-arkitettura unika ġewwa Ta’ Pinu tipprovdi ambjent perfett biex tidgawda l-mużika, il-lirika u lmessaġġi importanti li se jgħaddi kull kunċert.

“Se nkunu qed nippreżentaw repertorju speċjali li jinvolvi 70 korista u mużiċist ta’ Schola Cantorum Jubilate,” kompliet tispjega Marouska Attard, id-Direttur ta’ SCJ. Irrepertorju jinkludi mużika klassika tal-Milied, arranġamenti li saru speċifikament għal dan il-kunċert, kompożizzjonijiet ġodda kif ukoll kollaborazzjoni ma’ mużiċisti professjonali. “Il-Milied huwa assoċjat ħafna mal-korijiet, u mit-twaqqif tagħna, bħala SCJ ħdimna bla heda biex nippreżentaw proġetti korali uniċi. Din is-sena mhix eċċezzjoni!”

L-ewwel kunċert fis-sensiela, Ċirku, se jittella’ s-Sibt 11 ta’ Diċembru u ser jipreżenta lis-solisti ta’ SCJ li se jkunu akkumpanjati mill-BrassTubes. Kemm il-mużiċisti kif ukoll l-udjenza se jiffurmaw ċirku għall-esperjenza iktar ħolistika. Iċ-ċirku jissimboliżża ilġuf li jiproteġi l-ħajja mill-bidu tagħha kif ukoll iċ-ċiklu tal-ħajja: fejn kull organiżmu ħaj, ċkejken kemm hu ċkejken, għandu impatt fuq dinja li dejjem tevolvi.

Dan se jkun segwit minn Disgħa nhar is-Sibt, 18 ta’ Diċembru, u li fih se jipparteċipaw l-SCJ Children’s Choir u l-SCJ Teenage Boys Singers. Disgħa huwa ispirat mit-tradizzjoni Ingliża tan-Nine Readings and Carols u jissimboliżża id-disa’
xhur ta’ stennija. Il-kunċert ser jinkludi ħsibijiet miktuba u moqrija mit-tfal.

Din is-sensiela ta’ kunċerti tilħaq il-qofol tagħha bi Ġrajja nhar it-Tlieta, 28 ta’ Diċembru. Schola Cantorum Jubilate, akkumpanjata mill-Cordia String Quartet ser tfakkar il-ġrajja tas-salvazzjoni u l-massakru tal-innoċenti minn Erodi li tiġi iċċelebrata propju f’dan il-jum.


Irriserva l-biljett tiegħek b’xejn għall-kunċert(i) tal-għażla tiegħek billi tidħol fis-sit booking.scjchoir.com, billi tibgħat email fuq booking@scjchoir.com jew billi ċċempel fuq il-hotline tal-biljetti: 79450950. Il-postijiet huma limitati. Biex tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd, l-organizzaturi se jimxu mal-miżuri u mad-direttivi tal-Awtorità tas-Saħħa.

Dan l-avveniment qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.