Lokali

Żieda ta’ 500% fil-persuni li qed jitolbu l-għajnuna mill-Fondazzjoni Richmond

L-isfidi li ġabet magħha l-imxija tal-Covid-19, bdew mill-bidu nett iħallu impatt fuq in-normalità li xi darba konna imdorrijin biha. Bil-Fondazzjoni Richmond żiedet is-servizzi b’rabta mas-saħħa mentali tan-nies biex kemm jista’ jkun tgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn… bil-fondazzjoni tikkonferma li fl-ahhar xhur kellna żieda astronomika fit-talbiet għall-għajnuna.

F’konferenza tal-aħbarjiet Richmond ikkonfermat ukoll  li kien hemm żieda f’talbiet għal għajnuna, bin-nies kull ma jmur jirrikorru għand din il-Fondazzjoni.

Infatti f’kummenti li tat lil Net News Stephania Dimech Sant, Kap Ezekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond tat ħarsa lejn is-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna u l-ħidma li qed twettaq din l-entità.

“Issa qed naraw żieda kbira fil-każijiet, żieda eċċezzjonali, u qed inbatu biex inlaħħqu ma’ din id-domanda. Is-servizzi tagħna huma professjonali, u rridu lil dawn inħallsuhom, aħna mhux bħal negozju, aħna qatt ma jiżdied il-profitt meta jiżdied ix-xogħol iżda jiżdiedu l-ispejjeż”.

Hija qaltilna li sfortunatament fl-aħħar snin rajna wkoll żieda fl-użu tad-drogi – kemm leġġeri u anke qawwija – u li qed iwasslu wkoll għal problemi ulterjuri fis-saħħa mentali tal-individwu.

“Ovvjament aħna niltaqgħu ma nies li ċertu droga twassalhom għal problemi fis-saħħa mentali, hemm riċerka fuq dan, nies li huma esperti fil-psikjatrija jgħallmu li l-impatt tad-drogi fuq il-kriżijiet tas-saħħa mentali.”

Il-fondazzjoni Richmond qalet li fl-aħħar sena u nofs kien hemm żieda ta’ 500% għall-għajnuna mis-servizz 1770. Kien hemm żieda ta’ 900% fejn jidhlu laqgħat mal-pazjenti wiċċ imb’wiċċ fl-aħħar sitt xhur… filwaqt li irduppjaw it-talbiet għat-terapija.

Dawn is-servizzi żgur mhux forsi jirrikjedu ħafna finanzi, fejn il-Fondazzjoni għamlet minn kollox biex issaħħaħ is-servizz. Iżda qed tappella lill-pubbliku biex jgħin f’kampanja …kemm ta’ ġbir ta’ fondi, kif ukoll biex persuni jkunu jistgħu jagħtu daqqa t’id.

Jistgħu jidħlu fuq il-website tagħna, www.richmond.org.mt, hemm il-kampanja Gift of Therapy hemm jistgħu jagħtu d-donazzjoni b’ħafna metodi. Jekk xi ħadd jixtieq li jgħin, aħna jkollna diversi opportuntajiet u napprezzaw kull għajnuna”.