Internazzjonali

Żvezja: Tirriżenja minn Prim Ministru iżda hemm ċans ta’ ritorn

Magdalena Andersson, fl-aħħar sigħat, irriżenjat minn Prim Ministru tal-Iżvezja iżda l-politika kkumplikata ta’ dan il-pajjiż qed tagħmilha possibbli biex hi tirritorna lura f’dan ir-rwol.

Andersson (ritratt) irriżenjat ftit sigħat biss wara li hi saret l-ewwel Prim Ministru mara fl-istorja ta’ pajjiżha. Dan ukoll wara li l-Partit tal-Ħodor – is-sieħeb fil-koalizzjoni tagħha – iddeċieda li ma jiffurmax aktar parti mill-Gvern, bil-baġit nazzjonali ma jgħaddix mill-vot fi Stokkolma.

Il-Parlament Żvediż, minflok, ivvota għal baġit imfassal mill-Oppożizzjoni li tinkludi fiha l-grupp anti-immigranti tal-lemin estrem.

Madankollu, is-sistema politika tal-Iżvezja qed tħalli bieb imbexxaq għar-ritorn ta’ Magdalena Andersson f’rwol ewlieni fuq livell nazzjonali.

Fil-fatt, f’każ li jsir vot ieħor għal Prim Ministru fl-Iżvezja, hemm probabbiltà kbira li l-għażla taqa’ mill-ġdid fuq Andersson.

Dan għaliex il-Partit tal-Ħodor – minkejja li spiċċa minn sieħeb formali fil-koalizzjoni – wiegħed li jerġa’ jagħti l-appoġġ mill-ġdid lil Magdalena Andersson ‘bħala Prim Ministru’.

Madankollu, sitwazzjoni bħal din għandha titfa’ lil Andersson f’sitwazzjoni politika prekarja peress li hi tkun qed tmexxi Gvern ta’ minoranza fraġli. Sitwazzjoni bħal din tkun tfisser ukoll li Andersson ikollha żżomm mal-baġit li jridu d-deputati tal-lemin u li kien ikkonfermat din il-ġimgħa bil-vot tal-Parlament.