Lokali

“Abela jrid jinqata’ mill-kontinwità jekk irid juri li hu Prim Ministru ta’ Malta” – Times

Jekk Robert Abela jrid verament jikkonvinċi lill-poplu li jrid bidla għal dan il-pajjiż, irid jinsa l-kontinwità li kien wiegħed meta ħa f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż minn idejn Joseph Muscat.

Hekk jistqarr l-editorjal tat-Times li janalizza dak li għamel Abela fit-22 xahar li ilu Prim Ministru.

L-editur jikteb li bħal ma ħuta minn rasha tinten, Robert Abela għandu jagħti ħarsa sewwa lejn dak li jeħtieġ isir, u issa jimxi mill-kliem għall-fatti, l-aktar billi jiżgura li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu kif suppost.

Minkejja li Abela rnexxielu minn hawn u minn hemm imexxi fiż-żmien tal-pandemija, hu falla kompletament fejn jidħol it-tibdil li kien wiegħed fil-bidu tat-tmexxija tiegħu, jgħid l-editorjal.

It-Times tirreferi għall assassinju kodard ta’ Daphne Caruana Galizia, li fl-aħħar mill-aħħar spiċċa taha vuċi aktar b’saħħitha u li kienet l-irvina ta’ Joseph Muscat u sħabu.

L-editur jgħid li Abela għamel ftit bidliet kożmetiċi… biex jidher li qed jindirizza n-nuqqasijiet elenkati fejn tidhol is-Saltna tad-Dritt, imma ħafna drabi din l-amministrazzjoni tidher li hija biss verżjoni ftit aktar dgħajfa minn dik ta’ qabilha.

Il-frustrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet u unions ta’ min iħaddem għall-mod kif il-Gvern qed jassorbi l-ħaddiema tal-privat ftit qabel l-elezzjoni, u li qed toħloq problemi ġodda għan-negozji, u l-fatt li x-xandir nazzjonali qed jibqa’ maħtuf mill-Gvern u taħt idejn Ministru b’dell tqil immens fuqu, kienu temi oħra li semma dan l-editorjal.

It-Times tgħid li huma biss dawk li lebsin għamad politiku li mhux jaraw kif il-membri tal-Gvern għadhom qed jiddefendu lil Konrad Mizzi.

Forsi Abela qed jistenna l-verdett tal-elezzjoni… bit-tama li vot qawwi favurih ikun jista’ jsaħħu, imma, ikompli jgħid l-editorjal,ikkalkulha r-riskju li l-mażriet li għandu mdawrin m’għonqu jistgħu ikomplu jitqalu?

L-editorjal jagħlaq bid-dikjarazzjoni li Abela għad irid juri verament li hu Prim Ministru ta’ Malta, u mhux biss mexxej tal-Partit Laburista.