Lokali Qorti

Akkużat li ta daqqa ta’ ponn uffiċjal tal-pulizija meta kien fuq pleġġ talli gidem ieħor

Raġel li joqgħod Birzebbugia li jinsab fuq pleġġ talli allegatament gidem pulizija, reġa’ ngħata l-ħelsien mill-arrest wara inċident ieħor li fih pulizija, mibgħut biex jittratta rapport ta’ aġir fis-sakra, qala’ daqqa ta’ ponn f’wiċċu. Roderick Schembri ta’ 36 sena tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Yana Micallef Stafrace, akkużat li insulenta u hedded seba’ uffiċjali tal-pulizija, li rreżista b’mod vjolenti għall-arrest, li kkaġuna ferita ħafifa lil uffiċjal tal-pulizija, li m’obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija u akkużi oħra relatati ma’ reati kontra l-ordni pubbliku. Fosthom li kien fis-sakra f’post pubbliku u ksur tal-paċi pubblika.

L-inċident seħħ fil-21 ta’ Novembru f’Birzebbugia. L-Ispettur Jonathan Cassar qal lill-Qorti li uffiċjali kienu ntbagħtu mill-għassa ta’ Birzebbugia biex iwieġbu għal rapport dwar l-imputat li kien fis-sakra u b’mo diżordinat f’bar fil-lokalità nhar il-Ħadd għall-ħabta tas-6pm.

Meta ġie avviċinat minn uffiċjal, Schembri tah daqqa ta’ ponn f’imnieħeru u spiċċa biex farġu, spjega l-ispettur. Schembri wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-avukat tiegħu, Leon Camilleri talab il-ħelsien mill-arrest. L-Ispettur Cassar oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel, u sostna li kien diġà fuq pleġġ fuq inċident fejn allegatament kien gidem uffiċjal ieħor u li kien wettaq ir-reat erbat ijiem biss wara dehra preċedenti fil-Qorti.

Cassar sostna li ma kienx qed joġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest ta’ Schembri biss għax uffiċjal tal-pulizija kien ġie aggredit waqt li kien qed jaqdi dmiru, iżda wkoll għax l-akkużat kellu bżonn ikun taħt xi forma ta’ kontroll. “L-akkużat għandu wkoll problema ta’ alkoħol,” qal l-ispettur u żied li “fil-ħabs żgur mhux se jabbuża mill-alkoħol.”

Kien hemm xhud ċivili li kellu bżonn jixhed ukoll fil-każ, żied jgħid l-ispettur. Id-difiża rrispondiet, u argumentat li kien hemm biss xhud wieħed li ma kienx uffiċjal tal-pulizija u li l-inċident inqabad fuq is-CCTV tal-bar. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u qalet lill-akkużat li jekk iwettaq reat ieħor waqt li jkun fuq il-libertà proviżorja se jiffaċċja konsegwenzi ħorox.

Schembri ingħata l-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000, b’kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest jitolbuh josserva curfew u jiffirma fl-istess għassa fejn jaħdem l-allegat vittma. Huwa ġie ordnat biex ma javviċina lill-ebda xhieda tal-prosekuzzjoni. “Dan qed nagħmlu għall-ġid tiegħu,” qalet il-maġistrat. “Jekk terġa’ tiżbalja, il-ħabs u l-multi ikunu qed jistennewk. Jekk trid tieħu ħsieb lilek inniffsek, issa huwa ż-żmien li tagħmel dan.”