Knisja Lokali

Ċelebrazzjoni b’differenza għall-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss u l-Komunità Franġiskana fil-Belt

Fl-okkażjoni tat-375 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt iċċelebrat bl-aktar mod sempliċi iżda sinifikattiv billi animat opra ta’ karità, li wara kollox hi wkoll parti mill-missjoni tagħha stess.

Dan hekk kif għall-quddiesa, immexxija minn Patri Ramon Farrugia ofm, Gwardjan u Direttur Spiritwali, kien mistieden Bjorn Formosa, li kien ippreżentat b’donazzjoni ta’ €500 b’risq ALS Malta u ppreżentat il-ktieb Ta’ Ġieżu Crucifix Faith History Iconography Conservation. Patri Ramon ingħaqad ma’ dan il-ġest u f’isem il-Komunità Franġiskana offra li jżir il-ġabra b’€460 għal b’total ta’ €960.

F’kumment tal-okkażjoni, Bjorn irringrazzja lill-Arċikonfraternità u lill-Komunità Franġiskana għal dan il-ġest nobbli, minkejja li t-tnejn għaddejjin minn proġetti li jitolbu spejjeż kbar ħafna. Hu fakkar il-memorja ta’ Joe Debono u Croce Bonaci, li t-tnejn kienu jiffrekwentaw din il-Knisja u li kienu devoti tal-Kurċifiss Mirakoluż.

Min-naħa tagħha, l-Arċikonfraternità sellmet u rringrazzjat lil kull min ta sehemu matul dawn is-snin kollha, filwaqt li wegħdet li se tkompli taħdem flimkien mal-Komunità Franġiskana biex ixxerred id-devozzjoni lejn il-Kurċifiss Mirakoluż u lejn Marija Addolorata, filwaqt li tkompli tippriserva u tkabbar il-wirt kulturali u reliġjuż li ntirtu mingħand ta’ qabilna.