Internazzjonali

Covid-19: Il-pajjiżi jagħlqu l-fruntieri fost tħassib dwar il-varjant ‘Afrikan’

L-iskoperta ta’ varjant ġdid – aktar perikoluż – tal-Covid-19 li ġej mill-Afrika t’Isfel qed tħasseb sew lill-pajjiżi tad-dinja, Dan meta aktar Stati qegħdin jissikkaw ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar b’konsegwenza tal-aħħar żviluppi relatati mal-pandemija.

Ir-Renju Unit, Singapore u l-Ġappun huma fost l-ewwel pajjiżi li daħħlu regoli ta’ kwarantina aktar stretti – u fejn fost oħrajn qed jipprojbixxu t-titjiriet mill-Afrika t’Isfel u l-pajjiżi ġirien tagħha.

L-Unjoni Ewropea, intant, qed tipproponi li twaqqaf it-titjiriet mir-reġjuni Afrikani għall-Istati membri kollha.

U filwaqt li x-xjenzati qalu li hemm ħafna xi jridu jitgħallmu dwar il-varjant ‘Afrikan’ hu minnu li din il-ħaġa qed tinkwietahom bil-kbir meta qed tkompli r-riċerka bla heda dwar l-istess varjant ġdid.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li jridu jgħaddu l-ġimgħat sakemm l-esperti mediċi jifhmu l-impatt tal-varjant ġdid – bix-xjentisti qed jippruvaw jiddeterminaw kemm il-varjant hu trasmissibbli minn persuna għall-oħra.

Dan il-varjant ‘Afrikan’ hu differenti ferm mill-varjanti l-oħra ta’ qablu, bix-xjenzati jsostnu li l-varjant inkwistjoni għadha mill-‘bidliet notevoli’. Dan ifisser li l-vaċċini żviluppati fid-dawl tal-ewwel coronavirus li ħareġ miċ-Ċina ( fil-belt ta’ Wuhan)  jistgħu ma jkunux daqstant effettivi fil-konfront tiegħu.

Fejn instabu l-każi l-ġodda tal-varjant ‘Afrikan’?

Il-WHO qalet li s’issa nstabu anqas minn 100 kampjun – sample sequences – tal-varjant u li l-parti kbira tagħhom kienu kkonfermati fl-Afrika t’Isfel. Madankollu, instabu każi simili anki fil-Botswana, Hong Kong u Iżrael.

Il-Ministru tas-Saħħa Britanniku, Sajid Javid, sadanittant sostna ‘il-probabbiltà kbira’ li l-varjant ‘Afrikan’ laħaq infirex lejn pajjiżi oħra.  

Bħalissa, huma biss 24 fil-mija fost il-poplu tal-Afrika t’Isfel li ngħataw it-tilqima kontra l-Covid – u dan kapaċi jwassal għal splużjoni ta’ każijiet ġodda fil-pajjiż,

F’Hong Kong, il-varjant infirex waqt perjodu ta’ kwarantina f’lukanda u meta persuna li kien wasal hemm mill-Afrika t’Isfel spiċċa jinfetta residenti ieħor li testja pożittiv ftit ġranet wara. Iż-żewġ persuni kienu ngħataw it-tilqima sħiħa kontra l-Covid.

Sadanittant, il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Naftali Bennett, qal li pajjiżu spiċċa ‘fi stat ta’ emerġenza’ fir-rigward tal-varjant ġdid ‘Afrikan’ u li l-Gvern tiegħu qed jieħu azzjoni immedjata u determinata fiċ-ċirkustanzi.

Każ partikulari tal-varjant ‘Afrikan’ kien qed iġorru raġel li rritorna f’Iżrael mill-Malawi – bil-Ministeru tas-Saħħa Iżraeljan (sal-bieraħ) isostni li żewġ suspettati każi tal-varjant ‘Afrikan’ kienu qed jistennew il-konferma mill-awtoritajiet mediċi. Mifhum li anki dawn it-tliet persuni ngħataw it-tilqima sħiħa kontra l-varjanti preċedenti tal-Covid-19.

Ir-reazzjonijiet tal-pajjiżi

Minkejja li l-WHO wissiet biex il-pajjiżi ma jimponux ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar ‘bl-għaġġla’, aktar pajjiżi – b’mod partikulari r-Renju Unit, il-Ġappun u l-Olanda — qed jiddeċiedu li jwaqqfu t-titjiriet mill-pajjiżi Afrikani tan-nofsinar.

Minbarra l-Afrika t’Isfel, mhumiex qed ikunu permessi t-titjiriet mill-Botswana, in-Namibja, iz-Zimbabwe, Eswatini u Lesotho.

Sadanittant, l-Italja, Iżrael u Singapore ikkonfermaw li dawn il-pajjiżi Afrikani kollha, flimkien mal-Mozambique, jinsabu fuq il-‘lista l-ħamra’ f’dawn iċ-ċirkustanzi.