Lokali Qorti

Direttur illiberat minn qtil involontarju ta’ ħuh f’inċident f’barriera

Direttur ta’ kumpanija ġie lliberat li kkawża l-mewt ta’ ħuh b’negliġenza wara li qorti ddeċidiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ tagħha. Paul Falzon ta’ 61 sena, direttur maniġerjali tad-ditta Tlata Ltd, kien illiberat minn kull akkuża b’rabta ma’ inċident fil-barriera tal-kumpanija fir-Rabat li seħħ sitt snin ilu.

Ħu Falzon, Carmelo Falzon, miet wara li l-iskavatur li kien qed iħaddem inqaleb u spiċċa biex għerqu f’għadira ramel u tajn. L-inċident seħħ fid-19 ta’ Diċembru tal-2015. Paul Falzon sussegwentement ġie mixli b’omiċidju involontarju u li kkawża l-mewt ta’ ħuh b’negliġenza u li naqas milli jieħu prekawzjonijiet ta’ sigurtà.

Madankollu, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li kien hemm rabta bejn l-allegata negliġenza u l-inċident li wassal għall-mewt ta’ Carmelo Falzon. Fl-inkjesta kien hemm ċertu problemi fir-rapporti tal-esperti li ma għamluhiex possibbli li l-Qorti jkollha stampa ċara mhux ta’ dak li ġara iżda ta’ dak li kellu jiġri biex kollox imur skond il-liġijiet.

Dan qed jinghad qalet il-Qorti għaliex mir-rapport tal-Perit Richard Aquilina ħareg biss x’tip ta’ makkinarju kien qed jintuża u li ma kienx hemm ilqugħ waqt din l-operazzjoni. F’dan ir-rapport ma kienx hemm kostatazzjonijiet fuq is-saħħa u s-sigurta fuq il-post tax-xogħol u x’nuqqasijiet seta’ kien hemm f’dan l-aspett.

Mir-rapport tal-espert Mario Buttigieg ġara l-istess u dan peress illi dan l-espert ġie probabbilment imqabbad sabiex jeżamina l-makkinarju, u li kif qal hu stess li tali makkinarju kien wisq imli bit-tajn u hu ma setax jeżaminah. Pero’ dan l-espert mar oltre’ n-nomina tiegħu għaliex kif ippuntwaliżża tajjeb l-avukat difensur dan sema’ xi xhieda, xi haga illi ma kienx innominat biex jagħmel mid-digriet tal-Maġistrat Dr Audrey Demicoli.

Għalhekk tali xhieda li kien sema’ qed tiġi skartata mill-Qorti. L-istess jingħad għal dak il-kumment li sar fir-rapport tal-espert Buttigieg fejn qal li minkejja li ma setax jeżamina l-vettura kien hemm xi nuqqasijiet għar-rigward is-saħħa mingħajr ma ġġustifika tali asserzjoni.

Għalhekk, mill-atti tal-inkjesta ma ħareġ xejn li jindika li kien hemm xi nuqqasijiet tar-regoli tas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xoghol min-naħa tal-imputat. Hija ċaħdet xi wħud mill-provi mressqa mill-prosekuzzjoni u lliberat lil Paul Falzon minn kull akkuża. Falzon kien rappreżentat mill-avukat Joe Giglio, filwaqt li l-Ispettur Robert Vella mexxa l-prosekuzzjoni.

B’rabta ma’ dan il-każ mart il-vittma u ħamest ulieda kienu ngħataw kumpens ta’ €60,000 wara li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ddikjarat li l-kumpanija Tlata Limited, li topera barriera fir-Rabat kienet responsabbli għal mewt ta’ Carmel Falzon li kien miet f’konsegwenzi traġiċi fejn il-vittma kien miet fgat fit-tajn. Falzon jiġi r-raġel ta’ Grace Falzon, li flimkien ma’ uliedha Karl, Kevin, Kristian, Marius u Jessica kienu fetħu proċeduri legali kontra s-sidien tal-barriera, li tinsab f’Misraħ is-Suffara limiti tar-Rabat.