Kunsilli Lokali Lokali

Ħmieġ qawwi fi Triq il-Wied kawża ta’ “diżgwid” bejn il-Kunsill Karkariż u l-Wasteserv

Triq il-Wied f’Birkirkara tinsab maħkuma minn ħmieġ qawwi kawża ta’ kaxxi tal-kartun, boroż tal-iskart u biċċiet tal-injam, fost affarijiet oħrajn, li ilhom mitluqin bl-addoċċ għal diversi jiem mas-siġar li jsebbħu din it-triq ewlenija.

Ritratti li rċieva NET News juru l-ħmieġ, minkejja d-diversi rapporti li residenti u ħaddiema li jaħdmu fi Triq il-Wied għamlu lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, immexxi mis-Sindku Laburista Joanne Debono Grech.

Madankollu, il-persuni li tkellmu ma’ NET News spjegaw li kull darba, dawn ingħataw risposta mill-Kunsill li ma jista’ jsir xejn min-naħa tagħhom. Dan hekk semmew xi diżgwid partikolari li hemm bħalissa bejn l-istess Kunsill u Wasteserv.

Mhux magħruf x’inhu dan id-diżgwid jew x’wassal għalih, bir-residenti jgħidu li din is-sitwazzjoni qed tkunilhom ta’ inkonvenjent kbir. Dan hekk kif filgħaxija, qed jinnutaw preżenza ta’ ġrieden jiġru f’nofs dan il-ħmieġ, ftit ċentimetri biss ‘il bogħod minfejn ikollhom il-vetturi u l-muturi tagħhom ipparkjati.

Barra minhekk, innutaw kif wara l-maltempata tal-bieraħ, uħud mill-ħmieġ li kien ilu diġà hemm għal diversi jiem, saħansitra ċċallas fit-triq, bil-possibbiltà ssir dejjem aktar remota kemm dan il-ħmieġ eventwalment se jinġabar.