Lokali

Imfakkra s-16-il vittma ta’ femiċidju fl-aħħar 11-il sena

In-nisa jixirqilhom aħjar – m’hemm l-ebda skuża għall-abbuż u vjolenza.

Huwa dan il-messaġġ ewlieni li twassal quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja fil-Belt Valletta l-Ġimgħa filgħaxija waqt preżentazzjoni organizzata mill-Moviment Graffitti flimkien ma attivisti tal-young Progressive Beings u Women’s Rights Foundation. Matul din il-preżentazzjoni l-attivisti libsa maskri miksija b’dak li huwa simbolu ta’ demm filwaqt li wasslu messaġġ bl-għajta ta’ l-istupratur huwa int.

Dan hekk kif huma spjegaw li f’konklużjonijiet ta’ rapport maħruġ mill-Kunsill tal-Ewropa akkuża lill-awtoritajiet Maltin fosthom il-ġudikatura u l-Pulizija għall-insesittività tagħhom lejn in-nisa u għal każijiet ta’ abbuż domestiku u sesswali.

Matul il-preżentazzjoni, li ttellgħet sabiex ġew imfakkra wkoll il-vittmi tal-femiċidju f’Malta fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, nħarġu numru ta’ kartelluni bl-ismijiet ta’ 16-il mara li nqatlu f’pajjiżna fl-aħħar 11-il sena.

Huma saħqu li l-istituzzjonijiet huma ħatja għaliex mhux jitrattaw il-vjolenza fuq in-nisa bl-urġenza li hemm bżonn tiġi indirizzata.

Dan filwaqt li insistew li l-infurzar tal-liġi f’dawn il-każi għandha tkun waħda ta’ tolleranza zero u mhux l-istituzzjonijiet ġudizzjarji jagħmluha diffiċli għan-nisa sabiex isibu appoġġ.