Lokali Qorti

Investigat raġel u l-persuna mixli bil-qtil involontarju ta’ nanntu se jerġa’ jixhed b’rabta mal-qtil ta’ Eġiżzjan f’Għawdex

Raġel li kien involut f’numru ta’ telefonati u li ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti qed jiġi nvestigat b’rabta mal-omiċidju ta’ Eġizzjan li kien seħħ f’Għawdex, u li kien instab b’għonqu imħanxar f’Jannar tal-2018. Ir-raġel li qed jiġi nvestigat mill-Pulizija kien kellmet lill-Eġizzjan tliet ijiem qabel ma nqatel u kien talbu l-flus għad-droga li kien diġa’ tah. Il-vittma kien stieden lil din il-persuna li talbu l-flus biex jiltaqgħu f’Għawdex stess.

Xhieda mportanti fil-Qorti kienet żvelat dan kollu u l-investigazzjoni kompliet għaddejja minn naħa tal-Pulizija. Dan il-każ ta’ omiċidju jidher li huwa kobba mħabbla fejn hemm numru ta’ persuni oħra fosthom numru ta’ car dealers li huma suspettati b’rabta mal-każ.

Sadanittant ir-raġel mixli bl-omiċidju involontarju ta’ nanntu li nqatlet minn żewġ pitbulls għandu jerġa jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi tas-Serb Aleksandar Stojanovic li qed jiġi mixli bil-qtil tal-Eġizzjan. Il-Qorti ordnat li dan jerġa’ jixhed fis-seduta li jmiss li hija appuntata għas-6 ta’ Jannar fil-Qorti t’Għawdex.

Meta l-Ħamis kompla jinstema’ l-każ fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech l-Ispettur Colin Sheldon xehed wara talba mid-difiża li staqsietu jekk il-Pulizija offrietx xi ħaġa lil Andre Galea fuq il-każ li għandu pendenti fuq il-qtil involtarju ta’ nanntu.

Dan biex huwa jkun ta’ għanjuna biex jissolva l-każ tal-qtil f’Għawdex. L-Ispettur Sheldon irrisponda fin-negattiv. Dwar il-każ tal-pitbulls qal li peress li dan kien wieħed ta’ qtil involontarju, ma daħlux fih il-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra l-Omiċijdi, imma x-xogħol sar mill-Pulizija tad-Distrett.

Aleksandar Stojanovic ta’ 43 sena li qed wieġeb mhux ħati għall-qtil tal-Eġizzjan Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed ta’ 42 sena. Is-Serb kien tressaq nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Mejju li għadda u baqa’ jinżamm arrestat. Andre Galea, li fil-Qorti Maltija qed jiġi akkużat bil-qtil involontarju ta’ nanntu diġa’ xehed fil-Qorti t’Għawdex fuq il-każ ta’ Stojanovic.

Kien tenna li Stojanovic huwa ħabib tiegħu u li kien mar jiltaqa’ miegħu Għawdex u kien stqarr miegħu li kien qatel raġel Eġizzjan permezz ta’ pistola u li persuna kienet ipprovditlu pistola, munizzjoni u 5,000 ewro biex jeżegwixxi dan il-qtil.

Galea kien qal fil-Qorti li sieħbu s-Serb kien qed jinkwieta fuq CCTV cameras, l-aktar li għal dawk li hemm fejn isorġi il-vapur ta’ Għawdex. Tant kien ħabib tiegħu li Galea qal li kien iħobb lill-akkużat daqs li kieku kien ħuh. Madankollu f’mumenti minnhom kien qed itella’ u jniżżel jekk jikxfux mal-Pulizija, u dan peress li kellu jagħtih elfejn ewro li baqa’ ma tahx.

Madankollu tant kemm kienet kbira l-ħbiberija li kienu joħorġu u jmoru jgħumu flimkien. Kienu joqgħodu flimkien l-Imsida, u sar jafu permezz ta’ ħabib tiegħu minn Ħal Qormi. Kien qal li hu kellu wkoll problema tad-droga. Meta Galea xehed kien qal ukoll li huwa aċċetta li Stojanovic bħala ħabib tiegħu meta kien jaf li qatel persuna, għax kien tħassru għax kien ‘homeless’.

Il-kadavru tal-Eġiżzjan kien instab fil-15 ta’ Jannar tal-2018 fil-konfini tal-Għarb, fejn l-Għasri, post li jgħidulu San Dimitri. Il-vittma kellu ġerħa f’għonqu. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qegħdin jidhru għal Stojanovic. L-avukat Arthur Azzopardi qed jidher f’isem il-familjari tal-vittma.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Etienne Savona u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li minn naħa tal-Pulizija qed imexxu s-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Bernard Charles Spiteri.