Lokali

L-aġir tal-Ispeaker hu inaċċettabli f’soċjetà demokratika – PN

Il-Partit Nazzjonalista jqis l-ittra li l-Ispeaker Anġlu Farrugia bagħat bl-Avukat tal-fiduċja tiegħu lil Matthew Caruana Galizia bħala għalkollox inaċċettabbli f’soċjetà demokratika.

Bl-ittra tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia għal darb’oħra kkonferma li għadu s’issa ma fehemx x’inhu r-rwol Kostituzzjonali li ġie fdat lilu. Fl-ittra tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia stqarr li qiegħed hemm biex jiddefendi l-interessi tal-Gvern.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dan imur kontra l-Ġurament ta’ Lealtà li Anġlu Farrugia ħa bħala Speaker fil-bidu tal-leġislatura, meta ħalef li jkun fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Iżda minflok mexa mal-Ġurament ta’ Lealtà, Anġlu Farrugia għażel li jibqa’ kkontrollat mill-Gvern Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li matul l-aħħar ftit xhur, l-Ispeaker Anġlu Farrugia b’mod ripetut ivvota u ta Rulings li bihom iddefenda lill-Gvern fil-każi tal-kuntratt ta’ konsulenza lil Konrad Mizzi, fil-każ ta’ dħul mhux iddikjarat minn senserija u rigal, kif ukoll fil-każ ta’ użu ta’ fondi pubbliċi għal reklami politiċi tal-Gvern, minkejja li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab ksur wara ieħor tal-Kodiċi ta’ Etika u tal-Liġijiet ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jqis bħala urġenti l-bżonn li ssir Riforma tal-Parlament biex dan ikun tassew istituzzjoni demokratika li twettaq skrutinju effettiv u effiċjenti tal-ħidma tal-Gvern u żżommu kontabbli matul il-leġiżlatura kollha.

Sakemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia jibqa’ jagħżel l-interessi tal-Gvern Laburista u mhux tal-pajjiż, kontra l-Ġurament li ħa hu stess lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, Malta ma tista’ qatt taqbad it-triq għal riforma tant meħtieġa għat-tisħiħ tad-demokrazija, temmet tgħid l-istqarrija.