Lokali

L-enerġija tibqa’ tiddomina l-aġenda Ewropea

Il-proċess ta’ rkupru ekonomiku, il-prezzijiet dejjem jogħlew u l-provvista tal-enerġija mfixkla fl-Ewropa ddominat l-aġenda ta’ konferenza li nżammet fl-aħħar jiem f’Pariġi.

Għal din il-konferenza, tal-Business Europe Council of Presidents (COPRES), attendiet delegazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ, immexxija mill-President Marisa Xuereb, fost konfederazzjonijiet oħrajn li jirrappreżentaw lin-negozji fl-Ewropa u barra l-kontinent.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija tappnet ukoll id-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew, li nżammu x-xahar li għadda. Matulu kienu proposti miżuri li kull Stat Membru jista’ jieħu, fosthom għajnuniet lil familji vulnerabbli, pagamenti differiti, tneħħija ta’ taxxi u għajnuniet mill-istati għal kumpaniji li jkunu kompatibbli.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li se tkompli timpenja ruħha biex dawn il-kwistjonijiet u l-isfidi jibqgħu ta’ prijorità fil-fora Ewropej.