Lokali

Mistoqsi dwar id-diżastru fit-toroq, Ian Borg ifarfar fuq it-tibdil fil-klima

Il-ħsarat li sofrew it-toroq Maltin u Ghawdxin ilbieraħ kienu kollha riżultat tat-tibdil fil-klima. Kien dan il-mod li bih il-Ministru Ian Borg farfar il-kritika meta l-Ġimgħa filgħodu kien mistoqsi għal liema raġuni t-toroq il-ġodda, inkluż il-flyovers tal-Marsa, xorta waħda spiċċaw isofru l-għargħar – minkejja l-miljuni enormi li intefqu fihom.

Bosta saħqu li l-għargħar li t-toroq tagħna qed iħabbtu wiċċhom miegħu kull darba li tagħmel ix-xita ċertament mhux episodju ta’ ġurnata waħda biss – bħal ma jixhdu diversi filmati li kulħadd jara kull darba li l-Gżejjer Maltin iħabbtu wiċċhom ma’ maltempata.

Mistoqsi dwar dan mill-maġġoranza tal-ġurnalisti preżenti, Ian Borg baqa’ jiddefendi u jfarfar.

Bosta kien dawk li kkritikaw il-fatt li minkejja l-pompi kollha u l-400 miljun ewro li intefqu f’investiment fit-toroq, xorta waħda l-problemi għadhom l-istess u reali – b’għargħar f’San Ġiljan, is-Swieqi, kif ukoll bejn in-Naxxar u San Ġwann fi Triq tal-Balal.

Mistoqsi għalfejn il-Gvern, għalkemm din in-nefqa kbira, ma antiċipax sitwazzjonijiet bħal dawn meta saru x-xogħlijiet fit-toroq tagħna…minkejja li jgħid li huwa konxju mit-tibdil fil-klima, huwa baqa’ ma jweġibx b’mod dirett.

Numru  ta’ bdiewa fost oħrajn f’Burmarrad saħqu li tul il-jum tal-Ħamis sofrew danni kbar – hekk ukoll diversi familji oħra li kellhom it-triq tagħhom asfaltata mill-ġdid iżda xorta waħda spiċċaw bil-proprjeta tagħhom mgħarrqa.

Iżda mistoqsi għal aktar minn darba minn diversi ġurnalisti jekk dawn hux se jingħataw kumpens huwa saħaq li din se tiġi diskussa aktar ‘il quddiem. Madanakollu mistoqsi biex jagħti risposta ċara u tonda…huwa ma serraħ bl-ebda mod l-imħuħ tal-familji milquta.

Dan l-istazzjon staqsa wkoll lill-Ministru tal-Infrastruttura x’sar mil-ilma tax-xita li tul il-jum tal-Ħamis niżel gelul  – bl-istess Ministru jfarfar fuq l-amministrazzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista daqslikieku l-Partit tal-Labour għadu kemm ġie elett ilbierah u mhux tminn snin u nofs  taħt it-tmexxija ta’ żewġ Prim Ministri Laburisti.