Lokali

Proposti li jwasslu għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjegati tas-settur pubbliku

Il-Partit Nazzjonalista nieda sensiela ta’ proposti maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Ħaddiema fis-Settur Pubbliku, filwaqt li jassigura li dawn iwasslu sabiex ikollhom kwalitá ta’ ħajja ahjar. Dan billi fost l-oħrajn, ikollhom l-opportunità biex jikbru fil-karriera tagħhom u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Għal dan il-għan, f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputati Karl Gouder u Joe Ellis u l-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ivan Castillo, il-Partit Nazzjonalista ippropona li bħala, Gvern ġdid alternattiv, jassigura li l-kundizzjonijiet tal-impjegati fis-Settur Pubbliku, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati, jitjiebu kull fejn possibbli, filwaqt li jiġi żgurat servizz ta’ kwalità għaċ-ċittadini kollha.

Il-proposti mħabbra mill-Partit Nazzjonalista huma:

  1. Reviżjoni fl-iskali tas-salarji tal-Gvern biex jirriflettu s-suq ħalli jkunu attirati l-aħjar nies lejn is-Servizz Pubbliku.
  2. Il-ħaddiema jkunu inċentivati għal aktar effiċjenza f’xogħolhom u dawk li jaħdmu ħafna jkunu kkumpensati b’mod xieraq, fosthom permezz ta’ performance bonus.
  3. Tkun rikonoxxuta l-esperjenza u l-ħaddiema jiġu motivati biex jinvestu aktar fil-karriera tagħhom.
  4. Sistema trasparenti li tiffaċilita trasferimenti tal-ħaddiema, fejn fuq talba tal-ħaddiema stess isir dan it-trasferiment li jiġi pproċessat fi żmien iqsar. Ukoll, dawk il-ħaddiema li sofrew transfers inġusti, kontra x-xewqa tagħha, se jkunu jistgħu jappellaw minn dan, u jerggħu jintbagħtu lura.
  5. Ikunu msaħħa l-miżuri li huma favur il-familja għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja, li jinkludu fost l-oħrajn it-tisħiħ tat-teleworking u r-remote working.
  6. Tkun iffaċilitata aktar il-flessibiltà f’każi ta’ ċertu mertu. Dan jinkludi li tiżdied il-capping preżenti ta’ 16-il siegħa għal sitwazzjonijiet familjari urġenti.
  7. Ikun hemm promozzjoni għall-eżerċizzju fiżiku, filwaqt li tkun imħarsa s-saħħa mentali tal-impjegati.

Dawn il-proposti juru ċar kemm Gvern ġdid Nazzjonalista hu kommess li fl-ewwel ftit xhur tiegħu, jimplimenta bidla għall-Ħaddiema fis-Settur Pubbliku billi jiggarantixxu stabbiltà u kwalità ta’ xogħol aħjar.