Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs wara li ħatfet ġiżirana minn għonq anzjana


Mara ta’ 31 sena, residenti l-Belt u li hija magħrufa sew mal-Pulizija ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs wara li nstabet ħatja li serqet ġiżirana u domna tad-deheb minn ma’ għonq anzjana. Fil-ħin tas-serqa l-vittma kienet qed terfa’ l-kelba wara li ħarġitilha barra meta fetħet il-bieb tad-dar.

Judith Bakoush li ma taħdimx instabet ħatja li fil-25 ta’ April li għadda, minn dar f’Ħal Qormi, ġiegħlet lill-anzjana ssofri minn uġigħ fiżiku, mentali u morali, li serqitha fid-dawl tax-xemx u li kisret l-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti tal-Maġistrati.

L-anzjana qalet lill-Maġistrat Rachel Montebello li meta kienet sejra lura d-dar bix-xirja u fetħet il-bieb, ħarġitilha l-kelba u kif tbaxxiet biex terfaha rat mara li dlonk ħatfitilha l-ġiżirana minn għonqha u d-domna tad-deheb bir-ritratt ta’ żewġha.

Il-vittma qalet ukol li xi jiem qabel Bakoush kienet marret ma’ persuni oħra jħabbtu l-bieb ta’ garaxx ta’ maġenbha, fejn joqgħod it-tifel, u kienu qed jagħmlu ħafna storbju u peress li kienu l-4.00 a.m. ħarġet biex issikkithom u l-istess mara bdiet takkużaha li ċemplet lill-Pulizija meta dan ma kienx minnu.

L-anzjana qalet ukoll li waqt li kienet għaddejja l-kumpilazzjoni Bakoush, li identifikatha bħala l-mara li serqitha, offritilha li tixtrilha ġiżirana u anke staqsietha jekk riditx tixtrilha oħra. Il-mara ma xehditx f’dawn il-proċeduri imma fl-istqarrija li tagħat lill-Pulizija kienet ammettiet li għaddiet mit-triq fejn toqgħod l-anzjana għax marret tfittex lit-tifel tagħha.

Meta ġiet biex tiddeċiedi l-każ, il-Maġistrat Montebello qalet lin hija emmnet l-verżjoni tal-anzjana u sabet lil Bakoush ħatja tas-serq tal-ġiżirana u d-domna tad-deheb. Meta ġiet biex tagħti l-piena hija kkunsidrat li minkejja li ngħatat diversi opportunitajiet biex tirriforma ruħha, Bakoush baqgħet ma nbidlitx u għażlet li tibqa’ tgħix ħajja ta’ kriminalità.

Minbarra piena ta’ sitt xhur ħabs il-Qorti ordnatilha tirrifondi lill-anzjana l-€400 valur tad-deheb li serqitilha, u li dan trid tagħmlu fi żmien sitt xhur wara li tkun ħarġet mill-ħabs u rabtitha taħt penali ta’ €2,000 biex ma ddejjaqx lill-anzjana għal żmien 12-il xahar. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius li investiga l-każ.