Internazzjonali

Ukrajna: Żvelat kolp ta’ Stat bl-allegat ‘sehem tar-Russi’

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskiy, qal li pajjiżu sar jaf b’kumplott — ‘bis-sehem tar-Russi’ — għal attentat ta’ kolp ta’ stat u li suppost kellu jsir (fl-Ukrajna) matul il-ġimgħa d-dieħla.

Zelenskiy ma tax id-dettalji sħaħ tal-kumplott u lanqas ma akkuża direttament lill-Istat tar-Russja. Madankollu, hu tkellem dwar it-theddida ta’ eskalazzjoni militari ‘min-naħa tar-Russja’ fil-konfront ta’ pajjiżu u sostna li l-Ukrajna ‘se tkun lesta għall-isfida’.

Il-Kremlin ta’ Moska ċaħad kategorikament li seta’ kien involut f’kumplott għal kolp ta’ stat fl-Ukrajna u insista li ‘ma jinvolvix ruħu f’dawn l-azzjonijiet’. Dan waqt li Zelenskiy tenna li l-Ukrajna Ugħandha l-audio recordings bħala ‘provi li l-kumplott kien qed javviċina l-konklużjoni’ fl-ewwel jiem ta’ Diċembru.

Ir-Russja, fl-aħħar jiem, żiedet il-preżenza tat-truppi fl-artijiet mal-fruntiera tal-Ukrajna. Dan meta l-Istati Uniti u n-NATO ukoll esprimew inkwiet dwar ‘il-possibbiltà ta’ attakk mir-Russja (fuq l-Ukrajna)’ – b’Moska qed tiċħad għal din il-possibbiltà bħala ‘informazzjoni qarrieqa’.