Lokali Qorti

Numru ta’ Libjani u Maltin jitressqu l-Qorti fuq evażjoni ta’ taxxa u ħasil ta’ flus

Ritratti: Matthew Tabone

Aġġornament:

L-ewwel żewġ akkużati li tressqu kienu Hesham Zayed ta’ 45 sena minn Tripli u joqgħod il-Ħamrun, u Essam A Mohammed Edernawi ta’ 48 sena li wkoll minn Tripli u joqgħod is-Swieqi. It-tnejn qalu li jaħdmu għal rashom. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Fil-Qorti l-ispettur Keith Mallan spjega li għall-ħabta ta’ Mejju 2020 kienu rċevew informazzjoni dwar grupp ta’ Libjani b’ċittadinanza Maltija li kienu qed jgħaddu mill-ajruport mijiet ta’ eluf ta’ ewro kull darba li ssir dikjarazzjoni. Mill-investigazzjoni li saret irriżulta wkoll li kien qed isir importazzjoni ta’ karozzi lussużi mir-Renju Unit. Il-vetturi kienu reġistrati fuq nies differenti.

Sal-lum jirriżulta li s-somma tal-flus li ġew dikjarati hija madwar 20 miljun.

Huwa qal ukoll li l-pulizija kellhom aktar informazzjoni li l-akkużati kellhom sistema li jittrasferixxu l-flus mingħajr ma tkun involuta sistema ta’ bank u kien hawn li ħareġ mandat ta’ arrest u ġew arrestati s-Sibt.

Il-qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għall-ordni tal-iffrizzar tal-assi tal-akkużati  li ma ġietx oġġezzjonata mill-avukat difensur. Iż-żewġ akkużati nżammu arrestati wara li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Wara tressaq Kamel Ramadan Ali Hidan ta’ 41 sena minn Tripli u joqgħod Ħaż-Żabbar fejn inżamm ukoll arrestat wara li ġie mixli bl-involviment tiegħu f’dan il-każ. Fil-qorti ntqal li l-akkużat kien wieħed li joħroġ il-flus minn Malta għat-Turkija. Ingħad li kien joħroġ fiżikament hu u ħafna drabi kien jiddikjarahom f’isem Zayed jew il-kumpanija Drink Eat Limited.

Fix-xhieda tiegħu Khaled Bailey, Libjan ta’ 48 sena u joqgħod il-Gżira nżamm arrestat għalkemm wieġeb mhux ħati. Fil-qorti inħareġ li l-akkużat kien involut fit-trasportazzjoni tal-flus kontanti minn Malta u kien joħroġ bil-flus u jgħid li qed iġorrhom f’isem Zayed jew kumpaniji involut fihom. Huwa kien wieħed mill-aktar attivi fit-trasportazzjoni tal-flus. Dwar l-importazzjoni ta’ vetturi lussużi u l-vettura misruqa li ġiet misjuqa minn Bailey mir-Renju Unit għal Malta, ingħad li huwa daħal biha bil-katamaran. Huwa kien twaqqaf fir-Renju Unit u Franza u l-pulizija għandha informazzjoni li daħal biha Malta.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali u l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Iktar kmieni:

Għall-ħabta tat-tmiena tal-lejla numru ta’ Libjani u Maltin mistennija jitressqu l-Qorti akkużati li wettqu evażjoni ta’ taxxa kif ukoll li kienu involuti f’ħasil ta’ flus.

Huma mistennija jkunu akkużati li illegalment daħlu miljuni ta’ ewro permezz tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Jidher li dan il-grupp għandu kontraoll ta’ ħames kumpanija reġistrati Malta.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li xhur ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji, wasslet biex fis-sigħat illi għaddew twettqet operazzjoni li fiha ġew arrestati numru ta’ persuni, kemm Maltin kif ukoll Libjani.

Waqt din l-operazzjoni l-Pulizija elevat żewġ vetturi lussuzi, madwar €100,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, pjanċi ta’ vetturi b’reġistrazzjoni barranija, apparat elettroniku li jinkludi fost oħrajn mobiles, pendrives, kompjuters, tablets u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.

L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ saru b’koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet barranin fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Europol.

Huwa se jitressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, akkużati b’ħasil ta’ flus, b’assoċċjazzjoni, reati ta’ evażjoni ta’ taxxa, attività finanzjarja mingħajr liċenzja mill-awtorità kompetenti, fost reati oħra.