Kummerċ Lokali

“Bejgħ tajjeb, iżda inqas mill-2019”

L-aħħar Ġimgħa tax-xahar ta’ Novembru saret rinomata għall-bejgħ u l-iskontijiet, bi tħeħħija wkoll għall-offerti ta’ żmien il-Milied.

Fi stqarrija l-kamra tal-SME’s qalet li wara perijodu twil u diffiċli għal ħafna negozji minħabba l-Covid, in-negozji kellhom aspettativa għall-Black Friday.

Din is-sena reġa’ kien konfermata li ħafna persuni, f’dan il-jum, ifittxu l-gadgets u l-apparat elettroniku fejn anke jekk dawn in-negozji bidlu l-istrateġija biex jagħmlu l-offerti tagħhom disponibbli fuq medda itwal ta’ żmien, in-nies xorta ghadhom ifittxu l-ġurnata ta’ Black Friday, b’Novembru juri li se jilħaq l-aspettattivi ta’ dawn it-tip ta’ negozji.

Infatti uħud mis-sidien li tkellmu maċ-Chamber tal-SMEs qalu li xtaqu li kellhom aktar xogħol biex ibiegħu.

Il-kamra tan-negozji ż-żgħar qalet ukoll li ħafna negozji qed jaffaċċjaw sfidi kbar inkluż minħabba l-Brexit, filwaqt li l-maltemp tal-Ħamis ma għenx lin-negozji biex idaħħlu x-xogħol bi tħejjija għall-Black Friday.

Iċ-Chamber tal-SMEs spjegat kif uħud min-negozji għarfu li jsaħħu l-bejgħ tagħhom fuq il-pjattaformi online, b’ħafna wkoll itawlu l-perijodu tal-iskontijiet u l-offerti tagħhom.

Skont l-ewwel indikazzjoni li toħroġ mill-bejgħ li sar fl-aħħar jiem, kollox jindika li Black Friday kien “diċenti”, iżda inqas mill-bejgħ ta’ qabel il-pandemija.