Futbol Sport

Diversi partiti nteressanti mill-10 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier

Fl-10 ġurnata mill-Kampjonat BOV Premier nsibu diversi partiti nteressanti, bl-aktar partita li tispikka tkun dik bejn il-leaders Hibernians u Balzan, li jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika. Hibernians għadhom ġejjin minn rebħa mportanti ta’ 1-0 kontra l-leaders Ħamrun, fejn fetħu vantaġġ ta’ 5 punti f’ras il-klassifika fuq Floriana. Min-naħa l-oħra Balzan għadhom ġejjin minn rebħa kbira ta’ 6-1 kontra Sirens, bit-tim ikun trasformat minn meta nħatar Paul Zammit bħala coach tal-club.

F’partita oħra li tispikka din il-ġimgħa Birkirkara se jaffrontaw lil Sliema, b’dawn tal-aħħar jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika. Sliema għadhom ġejjin mill-ewwel rebħa tagħhom dan l-istaġun kontra Valletta, liema rebħa ma ngħatatx, wara protest li ressqu Valletta dwar il-plejer Warsama Hassan li kien ivolut fil-partita, iżda li kien suppost qed isegwi perjodu ta’ kwarantina. Minħabba dan, Valletta ingħataw rebħa ta’ 3-0 mill-bord tal-protesti tal-MFA.

It-tim fit-tieni post tal-klassifika, Floriana se jaffrontaw lil Sirens fit-Tony Bezzina Stadium. Floriana kisbu 10 punti mill-aħħar erba’ partiti, fejn minkejja dan mistennija jkunu mingħajr Jan Busuttil għal partita kontra Sirens. Min-naħa l-oħra Sirens għadhom ġejjin minn telfa umiljanti ta’ 6-1 kontra Balzan, f’dik li kienet it-tielet telfa mill-aħħar erba’ partiti għat-tim immexxi minn Winston Muscat. Sirens se jkunu mingħajr Fernando Brandan għal din il-partita, fejn se jkunu qed iħarsu li jirripettu r-riżultat tal-aħħar konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet l-istaġun li għadda, li kieb rebħa ta’ 3-2 favur Sirens.

Intant f’partita oħra Ħamrun jaffrontaw lil Santa Lucia, biċ-champions attwali se jkunu qed ifittxu li jiksbu l-punti massimi wara t-telfa fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Hibernians. Wara il-bidu diżappuntanti tagħhom, Ħamrun telgħu fis-sitt post tal-klassifika, iżda jekk iridu jżommu t-tamiet tagħhom ħajjin li jiġġieldu għar-rebħ tal-kampjonat, ma jistgħux jibqgħu jitilfu l-punti. Min-naħa tagħhom Santa Lucia jinsabu fl-10 post tal-klassifika u qed iħarsu li jinqalgħu minn din il-posizzjoni u jsaħħu posthom f’nofs il-klassifika. Ħamrun se jkunu mingħajr Faissal El Bakhtaoui u Franklin Sassere filwaqt li Santa Lucia se jkunu mingħajr Victor Prestes Filho u Jamie Zerafa, li kollha huma sospiżi.

KAMPJONAT BOV PREMIER

Illum: Tony Bezzina Stadium Floriana v Sirens 2.00pm, Valletta v Mosta 6.00pm Stadium Nazzjonali Birkirkara v Sliema W. 4.00pm Għada Stadium Nazzjonali Gżira U. v Gudja U. 2.00pm Balzan v Hibernians 6.00pm Tony Bezzina Stadium Ħamrun v Santa Lucia 4.00pm