Ekonomija Lokali Saħħa

“Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jimplimenta bidla għall-impjegati fis-settur pubbliku” – Bernard Grech

Bżonn urġenti li ssir riforma fil-Parlament Malti

“Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jimplimenta bidla għall-impjegati fis-settur pubbliku…. għax għalina kulħadd għandu valur”.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta s-Sibt filgħodu għamel intervent fuq Net FM.

Bernard Grech qal li l-PN irid li l-ħaddiema jkunu inċentivati sabiex ikunu jistgħu jaħdmu aħjar.  Apparti dan huwa qal li li jrid ikun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja, tiżdied il-capping preżenti ta’ emergency leave u jkun hemm promozzjoni għal iktar eżerċizzju fiżiku.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, fejn qal li l-PN jemmen fil-valur tal-ħaddiem Malti. Partit li jemmen li pajjiżna dejjem jista’ jibqa’ miexi ‘l quddiem permezz tal-ħiliet tal-individwi.

Huwa qal li jemmen f’pajjiż li jgħinek tilħaq fl-ambizzjonijiet tiegħek fejn il-PN għamel proposti li jgħin lin-negozji jesportaw u jkun hemm aċċess sħiħ fl-Ewropa.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom fil-maltemp li kellna din il-ġimgħa, il-Kap tal-PN qal li l–Ministru Ian Borg m’għandux rispett lejn l-intelliġenza tal-poplu Malti għax il-fenomenu tat-tibdil fil-klima ilu magħna s-snin. Saħaq li l-proġetti li għamel Ian Borg, ħafna minnhom fallew. Huwa qal li kawża tal-malatemp kien hemm ħsara fil-ħitan tas-sejjiegħ u u allura l-bdiewa għandu jkollhom għajnuna biex isewwu dawn il-ħsarat

Dwar l-għaġir tal-Ispeaker Anglu Farrugia, Bernard Grech qal li l-Ispeaker stess stqarr li qiegħed hemm biex iħares l-interessi tal-Gvern… ħaġa li tmur kontra l-ġurament li ħa hu stess. Għalhekk quddiem dan kollu hemm bżonn urġenti li ssir riforma tal-Parlament fejn il-Gvern jinżamm kontabbli tal-għaġir tiegħu.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar Vitals fejn qal li ma jemminx li dak li kien konsulent fil-Kabinet ta’ Joseph Muscat, Robert Abela, ma setax ma jkunx jaf x’inhu għaddej. Iżda issa ma jistax jibqa’ jiddefendi dan il-ftehim u jgħid li miexi kollox tajjeb. Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalsita huwa kommess li jinħall minn dan il-kuntratt għax l-ewwel tiġi s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu

Bernard Grech qal li l-PN se jibqa’ hemm, se jibqa’ viġilanti, se jibqa’ jagħmel kuraġġ lin-nies biex jitkellmu u se jara li ma jkunx hemm politiċi u persuni li jonqsu milli jagħmlu dmirhom.

Dwar il-pass storiku li għamlet Roberta Metsola l-Erbgħa li għadda Bernard Grech qal li l-PN reġa’ kien fuq quddiem fil-mumenti storiċi ta’ pajjiżna, fejn il-Viċi President tal-Parlament Ewropew għamlet ġieħ lil pajjiżna.